L-ewwel riżultati tal-elezzjoni fl-Indja juru li l-alleanza mmexxija mill-partit BJP qiegħda fl-ewwel post bi tliet mitt siġġu, filwaqt li l-partiti fl-oppożizzjoni jinsabu warajha b’madwar mitejn siġġu.
Kollox jindika li l-Prim Ministru Narendra Modi se jissiġilla t-tielet terminu konsekuttiv għalih u għall-partit Bharatiya Janata Party.
L-ewwel riżultati juru li l-partit tal-Kungress, flimkien ma’ partiti oħra fl-oppożizzjoni, marru aħjar milli mistenni.
Partit jew alleanza li jirbħu aktar minn mitejn u tnejn u sebgħin siġġu fil-Parlament, li jeleġġi ħames mija u tlieta u erbgħin membru parlamentari, jista’ jifforma l-gvern.
Din l-akbar elezzjoni fid-dinja saret f’seba’ fażijiet mifruxa fuq sitt ġimgħat, u fiha kienu rreġistrati biex jivvutaw kważi biljun persuna.