Matul din is-sena skolastika li waslet biex tintemm, madwar 47,000 student ibbenefikaw mill-Culture Pass, inizjattiva li toffri opportunità unika lill-istudenti sabiex jiġu esposti għall-kultura u l-arti sa minn età ċkejkna.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, waqt żjara li għamlu fl-iskola Primarja ‘A’ Ħaż-Żabbar.
Ġie nnotat kif l-ammont ta’ studenti li bbenefikaw minn din l-iniżjattiva żdiedu b’mod sinifikanti.
Il-Ministru Bonnici sostna kif din l-inizjattiva turi kif il-Culture Pass qed jikkontribwixxi b’mod sinifikanti fl-edukazzjoni u l-iżvilupp personali tal-istudenti permezz tal-kultura u l-arti.
Il-Ministru Grima tkellem dwar l-importanza ta’ edukazzjoni li tkopri l-aspetti kollha li huma parti mill-ħajja tagħna, anki l-arti u l-kultura.
Il-Culture Pass ilu jiġi offrut lill-istudenti li jattendu skejjel tal-Istat, tal-Knisja, u indipendenti minn Diċembru tal-2016.
Din is-sena, minħabba li l-popolarità għall-programm Culture Pass qed dejjem tkompli tiżdied, l-baġit żdied għal €250,000. Dan jixhed kemm din l-inizjattiva hija apprezzata u kemm hija effettiva fit-titjib tal-esperjenza edukattiva tal-istudenti.