L-Enemalta poġġiet aktar minn 70 kilometru ta’ cables tal-11-il kilovolt, filwaqt li għaddejjin ix-xogħlijiet għal pjan aċċellerat ta’ tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni. Din il-ħidma qegħda ssir biex tissaħħaħ il-grid nazzjonali tal-provvista tal-Enemalta, għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità u r-reżiljenza tas-servizzi li joffru lill-klijenti residenzjali u kummerċjali tagħha.
Din is-sena biss, total ta’ €55 miljun qed jiġu investiti fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, tliet darbiet aktar l-ammont oriġinali li kien allokat fil-pjan ta’ sitt snin.
Dan tħabbar f’laqgħa li saret mill-Enemalta mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, fil-preżenza tal-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Hawn tħabbar li, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-Enemalta wkoll ikkummissjonat 26 substation ġdida u tejbet 24 oħrajn, waqt li nbidlu 16-il switchgear. Sadanittant għaddejja wkoll ħidma preparatorja għal żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar u s-Siġġiewi u titjib taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni eżistenti fl-Imsida, Sant’Andrija f’Pembroke u f’Buġibba.
Fl-istess ħin qed isiru tħejjijiet ukoll għal proġetti kbar oħrajn, li se jitlestew fis-snin li ġejjin, inkluż konnessjoni ġdida ta’ 132 kilovolt bejn il-Magħtab Interconnector Terminal u ċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Mosta biex jiġu kkonsolidati l-konnessjonijiet prinċipali bejn l-Interconnector Malta-Italja u n-network tad-distribuzzjoni lokali.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, saħaq fuq l-importanza li l-imsieħba soċjali jinżammu aġġornati dwar ix-xogħol importanti li qed isir biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna, speċjalment wara l-avvenimenti esperjenzati f’Lulju tas-sena l-oħra.
Is-Segretarju Parliamentari Andy Ellul saħaq kemm hu importanti d-djalogu soċjali u r-relazzjoni tal-Gvern mal-imsieħba soċjali.
Qal, “Dan hu proprju dak li rridu naraw fil-qasam tad-djalogu soċjali f’pajjiżna fejn membri tal-eżekuttiv, illum l-Onorevoli Ministru Miriam Dalli, responsabbli mill-enerġija f’pajjiżna, talbet hi stess biex tiġi u tispjega lill-imsieħba soċjali x-xogħol li qed isir fid-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna. Allura, inħares ’il quddiem biex, flimkien ma’ sħabi, inkomplu nagħtu u ninformaw lill-imsieħba soċjali bl-operat li jkun qed jagħmel il-Gvern.”
Il-Ministru Dalli elenkat kif il-ħidma pożittiva tal-Gvern qed tirrifletti l-impenn li qed isir f’dan il-qasam, iżda ma jaqbilx li nieqfu nofs triq, għax fadal ħafna aktar xogħol xi jsir.
Qalet, “Dak it-tragward ilħaqnih, għamilna aktar minn hekk, però m’aħniex se nieqfu hawnhekk, għax irridu li jkollna sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u sistema tal-elettriku f’pajjiżna inġenerali aktar u aktar reżiljenti.”