Il-kandidata Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Claudette Abela Baldacchino, qatt ma beżgħet titkellem dwar dak li temmen fih u għalhekk appellat lin-nies biex huma wkoll juru dak li jemmnu fih bil-vot tagħhom.
Fi kliemha, dawk li ma jivvotawx qed jagħtu vot lil dawk li jridu jagħmlu gwerra qaddisa kontra Malta.
F’attività politika fl-Imqabba, Abela Baldacchino tkellmet dwar kwistjonijiet li joltqu direttament il-ħajja tan-nies.
“Fit-8 ta’ Ġunju jekk inti tagħżel li ma tivvotax, jew jekk inti tagħżel li tastjeni mill-vot tiegħek, taf xi tkun qed tagħmel? Tkun qiegħed issaħħaħ lil min irid jagħmel gwerra kontra pajjiżna flok jagħti l-aqwa u l-aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin.”
Abela Baldacchino żiedet tgħid li jekk fit-tmienja ta’ Ġunju tagħżel li ma tivvotax, tkun qed tagħti l-appoġġ tiegħek lil min irid iwaqqaf il-fondi għal pajjiżna. Stqarret li l-Partit Laburista huwa differenti, għaliex it-tim Laburista huwa wieħed favur Malta dejjem.
Hija tkellmet dwar kif hi u l-familja tagħha qatt ma qagħdu lura milli jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom, għaliex bħal nies oħra, jiltaqgħu mal-isfidi tal-ħajja u jridu li dak li għaddew minnu jservi ta’ ġid għal ħaddieħor.
“Qatt ma ddejjaqt inressaq proposti ‘l quddiem,” qalet Abela Baldacchino, li tkellmet dwar il-ħtieġa li ċerti servizzi f’oqsma bħal dawk tad-diffikultajiet fit-tagħlim, jitilgħu għal-livell li jmiss.
F’dan il-kuntest tkellmet ukoll dwar is-saħħa mentali u sfidi oħra, u tenniet li l-vot tat-tmienja ta’ Ġunju huwa kruċjali biex in-nies jagħżlu l-futur u jimxu ’l quddiem.