“Malta li rrid jien hija Malta waħda tal-Maltin u tal-Għawdxin, bajda u ħamra. Malta tagħkom, tħallu lil ħadd jieħu d-deċiżjonijiet għalikom. Oħorġu u vvotaw intom għal dak li tridu intom. Ivvotaw għall-familji tagħkom, ivvotaw għal uliedkom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan kien l-appell b’saħħtu tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, fiż-Żejtun, waqt l-aħħar attività tal-Ħadd f’din il-kampanja elettorali bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Il-Prim Ministru sostna li vot b’saħħtu nhar is-Sibt, iwassal biex il-Gvern ikompli jwettaq ir-riformi favur il-poplu Malti u Għawdxi.
“U hekk se nibqa’ magħkom, mhux sa nhar is-Sibt, imma wara wkoll imma jekk jogħġobkom tisilfuni l-fiduċja b’saħħitha tagħkom biex inkompli nwettaq biex nibqgħu nuru x’Malta rridu. Malta magħquda u mhux mifruda kif irid ħaddieħor, Malta li tinvesti fin-nies u mhux li tieħu mingħandhom, Malta li trid il-paċi u mhux il-gwerer, Malta tal-progress u mhux Malta populista. Dik hija Malta li nemmen fiha jien.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Waqt li rringrazzja lill-attivisti kollha tal-Partit Laburista tal-ħidma u l-fiduċja tagħhom, il-Prim Ministru kellu dan l-appell importanti.
“U biex nibqgħu mexjin ’il quddiem jeħtieġ li f’din il-ġimgħa li baqa’ niltaqgħu u nitkellmu ma’ dawk li mhux konvinti, inħabbtu l-bibien, inkellmu lil qrabatna u ħbiebna. Fejn hemm, ħbieb tiegħi, fejn hemm min għadu indeċiz, ara ma nissuppervjawx magħhom, imma ngħinuhom, naraw x’inhuma l-weġgħat tagħhom u nikkonvinċuhom. Imma biex nagħmlu din il-biċċa xogħol kbira għandi bżonn l-isforzi kollha, kollha kemm huma ta’ kull wieħed u waħda minnkom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fiż-Żejtun, il-Prim Ministru appella biex pajjiżna ma jiqafx nofs triq, u qal li qed iħares ’il quddiem għall-avveniment ‘Together in Concert’ nhar il-Ħamis li ġej, fl-aħħar jum tal-kampanja elettorali fl-MFCC, f’Ta’ Qali.
“Ninġabru flimkien f’Ta’ Qali, f’atmosfera pożittiva. Imma qabel dakinhar ejjew nibqgħu nterqu, inċemplu, nitħadtu, niddiskutu, nikkonvinċu li dan huwa l-moviment li verament iħobb lil pajjiżna, li dan huwa l-moviment li jista’ jkompli jikseb għal pajjiżna. Jien hawn quddiemkom, lest għad-deċiżjoni tagħkom. F’idejkom jekk tridux terġgħu tagħtuni s-saħħa ħalli nkompli nwettaq għax is-saħħa f’idejkom ilkoll. Is-Saħħa liż-Żwieten. Is-Saħħa lill-Għawdxin. Is-Saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela