Ġie ffirmat ftehim bejn kumpanija lokali u oħra internazzjonali fil-qasam tal-video gaming biex jaħdmu flimkien ħalli joffru prodotti ġodda tal-ogħla livell grafiku.
Dan il-ftehim ġie ffirmat bejn il-kumpanija lokali Stargate Studios Malta, li tispeċjalizza fuq visuals effects u sound effects fi produzzjonijiet televiżivi u ċinema, u l-kumpanija internazzjonali, Sperasoft – li s-sena l-oħra fetħu studios f’pajjiżna.
Dan il-ftehim ġie ffirmat waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri fi Stargate Studios fil-Mosta Technopark.
Il-Ministru Schembri sostna kif l-industrija tal-video gaming qed tkompli tiżviluppa u qed twassal għal kollaborazzjonijiet kbar f’dan is-settur.
“Dak li qegħdin naraw illum, qed naraw kif kumpaniji f’industriji differenti qed jingħaqdu flimkien biex joħolqu prodotti ġodda u dik kienet l-istrateġija meta aħna konna qed nitkellmu fuq, mhux biss li noħolqu niċċeċ ekonomiċi ġodda, bħal dan il-każ meta konna qed nitkellmu fuq il-video game development studios u fil-fatt konna ġibna diversi kumpaniji. Imma kif qegħdin naraw kif dik il-kumpanija, per eżempju li ġibna u qegħda topera f’pajjiżna qed tingħaqad issa ma’ kumpanija lokali, li ilha topera sabiex hemmhekk noħolqu prodotti ġodda.”