Il-Korp tal-Pulizija kompla jissaħħaħ bi tlieta u ħamsin kuntistabbli li temmew b’suċċess ir-reklutaġġ.
It-taħriġ ta’ seba’ xhur, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u kien jinkludi suġġetti akkademiċi, prattiċi u anke fiżiċi.
Fil-kors ir-rekluti ġew mgħallma varjetà ta’ suġġetti bħall-etika, id-diversità, il-liġijiet ta’ Malta, regoli u proċeduri, investigazzjonijiet ta’ reati bħal vjolenza domestika, abbuż tat-tfal fuq siti elettroniċi, offiżi sesswali u għarfien dwar is-saħħa mentali.
Dawn it-tlieta u ħamsin kuntistabbli jingħaqdu ma’ mija u tnejn oħra, li ssieħbu fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar xhur.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà spjega kif filwaqt li l-Korp Malti huwa fost l-eqdem istituzzjonijiet tax-xorta tiegħu, dawn il-pulizija ġodda ser isibu Korp tal-Pulizija aġġornat maż-żminijiet tal-lum.
“Ser ikunu qegħdin jidħlu f’Korp li matul l-aħħar snin kien qed jiġġedded f’dinja li kontinwament qed tinbidel, u allura, dan il-Korp qed jimplimenta strateġija ta’ trasformazzjoni. Infurmajt dawn il-membri ġodda biex flimkien mal-membri, li ilhom jaħdmu fil-Korp tal-Pulizija għal numru ta’ snin, inkomplu naħdmu id f’id mal-komunitajiet tagħna sabiex nilħqu l-viżjoni tal-Korp.”
F’diskors waqt iċ-ċerimonja tal-passing out parade, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri qal li fl-isfond tat-tiġdid tal-korp, il-gvern mhux biss qed jinvesti fl-għodda li l-pulizija jużaw iżda anke f’salarji u kundizzjonijiet aħjar, flimkien ma’ iżjed drittijiet.
“Il-Korp tal-Pulizija qed jiġġedded, u bħala Gvern, qegħdin kontinwament ninvestu fih – ninvestu mhux biss fl-għodda illi jużaw, iżda fid-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Illum ilqajna 53 membru ġdid – 53 li ser ikomplu jġeddu il-Korp tal-Pulizija. Tlabthom sabiex jaħdmu id f’id mal-komunità, sabiex tkun komunità li tkompli żżid il-fiduċja fihom, iżda wkoll tkun komunità li tirċievi kontinwament servizz aħjar minnhom.”