Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela kien tkellem dwar il-kwalitajiet tal-Kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew, Marija Sara Vella Gafa waqt attivita f’Ħal-Qormi li matulha saru diversi diskorsi minn esponenti tal-Partit Laburista u mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.
Il-Prim Ministru qal li huwa ma emminx biss fil-kwalitajiet ta’ Marija Sara matul din il-kampanja imma għal snin sħaħ tul il-ħidma tagħha fil-Partit Laburista u meta l-Partit beda jikkunsidra l-kandidatura għall-Parlament Ewropew, isem Marija Sara kien minn ta’ l-ewwel li ġie aċċettat. “Meta ddeċidejt li nixħtilha l-isfida li tikkontesta din l-elezzjoni, kont naf li Marija Sara se twieġeb iva għas-sejħa tal-Partit, imma aktar u aktar għas-sejħa tal-pajjiz” żied jgħid il-Prim Ministru.
Huwa qal ukoll li jaf kemm Marija Sara għandha għal qalbha l-progress ta’ pajjiżna u tal-lokalitajiet tagħna. Qal li segwiha kif ħadmet fil-lokalita tal-Gudja u kif irnexxielha twettaq dak li emmnet fih u ġġib ‘il quddiem ir-raħal tagħha. Issa wasal iż-żmien, stqarr il-Prim Ministru Robert Abela, li l-poplu jislef il-fiduċja tiegħu lil Marija Sara biex twassal fl-Ewropa l-ħsibijiet tagħha fuq x’Ewropa trid tara, Ewropa li tkun viċin in-nies”.
Fl-attivita tkellmet ukoll il-Ministru Miriam Dalli li fissret kemm Marija Sara ħadmet fil-qrib tagħha fl-aħħar snin u kemm saret taf lil Marija Sara bhala persuna determinata li tasal fejn trid tasal.
Il-Ministru Dalli qalet li Marija Sara tul din il-kampanja uriet kemm tassew għandha qalba dawk l-issues li jolqtu direttament lin-nies u tinsab konvinta li b’Marija Sara fil-Parlament Ewropew dawn l-issues ser twassalhom hemm biex tittieħed azzjoni dwarhom.
Fuq kollox, stqarret il-Ministru, “ejjew ħalli jkollna wkoll mara fil-Parlament Ewropew. Marija Sara hija kburija li xxejjer il-bandiet Maltija u naf li lesta tieqaf lil min jipprova jkasbar isem pajjiżna”, temmet tgħid il-Ministru Dalli.
Kelliema oħra fl-attivita kienu l-Ministri Jo Etienne Abela u Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari Alicia Alicia Bugeja Said.