B’investiment ta’ madwar tliet miljun ewro, ġew inawgurati ż-żewġ pontijiet li jagħtu aċċess għall-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu u l-parti tax-xatt quddiem id-daħla tal-Forti.
F’dawn ix-xogħlijiet, Infrastructure Malta wettqet proġett għal pont pedonali u ieħor għall-vetturi, minflok il-pont li kien hemm qabel, li kienu jgħaddu minn fuqu kemm il-vetturi u anki n-nies.
Fl-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Infrastruttura Chris Bonett qal kif proġetti bħal dawn juru l-impenn tal-Gvern li joħloq infrastruttura aktar sigura u tal-ogħla kwalità.
“Qed nifirdu issa minn fejn jgħaddu l-karozzi u minn fejn jgħaddu n-nies iktar sigur. Ftit ilu ftaħna l-pedonali, issa għandna l-pont għall-karozzi wkoll.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon sostna li l-aġenzija se tkompli tiffoka biex ittejjeb l-aċċessibbiltà u tassigura li kulħadd jasal fid-destinazzjoni tiegħu b’mod sigur u effiċjenti.