Waqt l-aħħar mass gathering, li sar f’Raħal Ġdid, Steve Ellul spjega kif din il-kampanja elettorali wriet aktar minn qatt qabel id-differenza bejn iż-żewġ partiti politiċi, fejn ħaddieħor jiddikjara gwerra qaddisa fuq il-Maltin, filwaqt li l-Partit Laburista qed jpoġġi ’l quddiem l-bajda u l-ħamra ta’ pajjiżna.
Il-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew stqarr li, fil-ġranet li fadal, irridu nkomplu nikkonvinċu aktar nies li vot għall-Partit Laburista hu l-unika garanzija favur Malta aktar b’saħħitha.
“Ħaddieħor irid jifred, għax mifrud, ħaddieħor irid ikisser, għax imkisser. U aħna naħdmu għall-għaqda kuljum, kuljum. Siegħa wara oħra f’din il-kampanja ngħinu lil xulxin, nieħdu ħsieb xulxin.”
Ellul fisser kif il-kampanja tiegħu laqqgħetu mas-setturi kollha tas-soċjetà Maltija, fejn kien ma’ dawn kollha li tfasslet it-triq ’il quddiem u lkoll jinsabu kburin b’dak li nkiseb, determinati li jitranġa fejn hemm bżonn.
Semma kif, fil-ħames snin li ġejjin, fl-Ewropa jrid ikollna membri Parlamentari kompetenti, mimlija enerġija, kapaċi jinnegozjaw u jafu kif iġibu l-aħjar lejn Malta u Għawdex. Hu għalhekk li sostna li jibqa’ appell wieħed ċar, dik li hemm bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd.
“Jekk tridu li Malta tibqa’ timxi ’l quddiem, irridukom kollha magħna biex fit-8 ta’ Ġunju li ġej nagħtu suċċess ieħor lill-Prim Ministru tagħna Dr Robert Abela. Nagħtu suċċess lilkom, lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għax għalina Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox.”
Waqt din l-attività, tkellmet mart il-Prim Ministru Lydia Abela, fejn qalet li Steve Ellul qed ikun fuq quddiem nett bħala vuċi b’saħħitha ħafna favur pajjiżna. Fissritu bħala politiku li jisma’ b’mod attiv u li l-esperjenza tiegħu fil-finanzi u fil-qasam ambjentali tgħinu jaħdem għal Malta u Għawdex.
Waqt intervent, li ta, l-MEP Laburista Alex Agius Saliba fisser lil Steve Ellul bħala kandidat eċċellenti u qal li jixtiequ jkun parti mit-tim ta’ rappreżentanti fil-Parlament Ewropew hekk kif hemm bżonn ta’ nies ta’ kwalità, Laburisti ta’ vera u li jġibu dejjem lil pajjiżna l-ewwel u qabel kollox.
Tkellmu wkoll il-Ministru Clifton Grima, kif ukoll l-opinjonista Jeremy Camilleri, fejn, minbarra li semmew il-valuri sodi li jħaddan Steve Ellul, irrimarkaw li hemm bżonn ta’ nies bħalu fil-Parlament Ewropew biex ikun hemm min kapaċi jiffaċċja l-isfidi u jitkellem f’isimna lkoll.