Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, il-Gvern irreġistra surplus ta’ tlieta u għoxrin miljun ewro, li hu l-aqwa riżultat li qatt ġie osservat f’pajjiżna bejn Jannar u April mindu bdiet tinġabar din l-istatistika. Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Waqt li fl-istorja nazzjonali kien biss fl-2017, li ġie rreġistrat surplus fl-istess perjodu tas-sena, dakinhar l-ammont tal-bilanċ pożittiv laħħaq il-wieħed u għoxrin miljun ewro. Jiġifieri żewġ miljun ewro inqas minn dak irreġistrat bejn Jannar u April li għaddew.
Ta’ min jinnota li, fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista kien hemm defiċit li jlaħħaq il-mitejn u tnejn u tletin miljun ewro sa April. Imma l-agħar riżultat, li qatt ġie rreġistrat f’dan il-perjodu fil-Kaxxa ta’ Malta, kien fl-ewwel erba’ xhur tal-2009 meta d-defiċit kien mess il-mitejn u sitta u tletin miljun ewro.
Bejn Jannar u April tal-2023, id-defiċit kien ta’ mija u tnejn u disgħin miljun, li jfisser li din is-sena kien hemm titjib ta’ mitejn u ħmistax-il miljun fil-finanzi pubbliċi.
Dan it-titjib qawwi bla preċedent, li hu ferm aktar minn dak antiċipat saħansitra fil-baġit, seħħ għax id-dħul tal-Gvern kiber b’rata ferm aktar milli żdied il-ħruġ.
Fil-fatt id-dħul tal-Gvern kiber b’rekord ta’ tliet mija u wieħed u sittin miljun ewro. Il-maġġoranza taż-żieda kienet dovuta għal dħul akbar mill-Income Tax, il-Bolla u l-VAT. Dan irrifletta t-tkabbir ekonomiku sostnut nazzjonali.
Skont statistika maħruġa din il-ġimgħa jirriżulta li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna hi tnax-il darba akbar mill-medja Ewropea.
L-ispiża tal-Gvern kibret bin-nofs taż-żieda fid-dħul, bi tkabbir ta’ mija u sitta u erbgħin miljun ewro. Aktar minn terz ta’ din iż-żieda kienet dovuta għat-titjib fil-benefiċċji soċjali, inkluż il-pensjonijiet u ċ-Children’s Allowance.
Kien hemm ukoll żieda fl-ispiża fuq pagi, frott titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ diversi kategoriji ta’ ħaddiema fis-Servizz Pubbliku.
Minħabba l-andament pożittiv tal-finanzi pubbliċi bejn Frar u April, id-dejn tal-Gvern ċentrali naqas bi kważi mija u ħamsin miljun ewro.
Dawn ir-riżultati pożittivi jkomplu jsostnu l-għadd ta’ rapporti pożittivi favur l-ekonomija Maltija, inkluż mill-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu u anke l-aħħar tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea.