Il-Pulizija mexxiet operazzjoni ta’ ritorn, li matulha keċċiet minn Malta raġel li kien skonta sentenza ta’ ħabs fuq terroriżmu u ħtif ta’ ajruplan.
Fi stqarrija tal-Pulizija ġie spjegat li r-raġel, li baqa’ ma kkoperax mal-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, inżamm f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm ġie skortat ‘il barra mill-pajjiż f’operazzjoni t’ordni ta’ ritorn.
Il-każ oriġinali jmur lura għat-tlieta u għoxrin ta’ Diċembru tal-elfejn u sittax, meta żewġt irġiel kienu daħlu fil-kabina tal-bdoti, ħatfu t-titjira fl-ispazju tal-ajru Libjan, u ordnaw li tibdel triqitha u titniżżel f’Malta.
Fil-fatt, l-ajruplan tal-linja tal-ajru Afriqiyah Airways, kien tniżżel Malta għaliex kienu qed jheddu li jisplodu l-ajruplan jekk jinżel il-Libja.
L-ajruplan kellu fuqu mija u ħdax-il passiġġier u sitt membri tal-ekwipaġġ.
Fl-istqarrija tal-Pulizija llum ġie spjegat kif fil-konfront tar-raġel inħarġet ukoll ordni ta’ projbizzjoni li biha ma jkunx jista’ jerġa’ jidħol f’Malta u f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
F’din l-operazzjoni l-Pulizija kienu assistiti minn Uffiċjali tad-Detenzjoni.