Waqt attività politika fiż-Żurrieq, bħala parti mill-kampanja elettorali tiegħu, il-kandidat żagħżugħ Għawdxi Thomas Bajada wera l-viżjoni tiegħu għal futur aktar magħqud u mimli prosperità għal Malta.
Il-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li daħal relattivament ġdid fil-politika, diġà beda jħalli impatt sinifikanti fuq l-elettorat, hekk kif enfasizza l-importanza ta’ għaqda nazzjonali u stabilità politika.
Waqt l-attività fi Ġnien il-Ġibjun, quddiem Iċ-Ċentru Rikreattiv tal-Guy Boċċi Club fiż-Żurrieq, Bajada tkellem b’passjoni dwar il-bżonn li l-politika Maltija u Ewropea tirrifletti aktar l-istorja u l-esperjenzi tan-nies.
“Xewqa onesta li jien inkun nista’ nkompli naħdem bil-kampanja tiegħi. Kampanja li għandha l-għan li ġġib il-pożittività fil-politika ta’ pajjiżna; politika li tiffoka fuq l-istorja tiegħek; politika li hija mmirata lejn l-għaqda u mhux il-firda. U mhux ħa ndur mal-lewża. Għalija hi missjoni. Nixtieq noffri politika differenti, mhux għax dak li ħadem għal diversi snin huwa ħażin. Imma għax inħoss li l-politika ta’ kull naħa u għamla għandha bżonn tiġġedded.”
Hu tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ politika li tirrifletti l-għaqda msemmija fl-Innu Malti u enfasizza li l-prosperità u l-futur ta’ Malta jiddependu mill-ħila tal-poplu li jibqa’ magħqud.
Żied jgħid li stabbiltà tfisser serħan il-moħħ għall-Maltin u l-Għawdxin li l-ħajja tagħhom mhux se tinbidel drastikament mil-lejl għan-nhar.
Bajada faħħar ukoll ir-rwol tal-Gvern Laburista li wassal għal ekonomija stabbli u l-ħtieġa li din l-istabilità tippersisti. Fil-futur, qal li jixtieq jara importanza lill-identità Maltija, il-benesseri, il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa, il-ħarsien tal-persuni b’diżabilità u l-ambjent.
Waqt id-diskors tiegħu, Bajada saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti ż-żgħażagħ aktar fil-proċess politiku.
“Biex nagħmlu dan, għandna naraw li ninvolvu liż-żgħażagħ u nagħtuhom ir-riedni ħalli jmexxu lil pajjiżna lejn futur aħjar,” qal Bajada, waqt li appella liż-żgħażagħ biex jirrifjutaw l-apatija u jingħaqdu fl-isforzi kollettivi biex, flimkien, jibnu futur dejjem aħjar għal Malta.
Thomas Bajada għalaq id-diskors tiegħu b’appell għall-għaqda u l-appoġġ tal-elettorat fit-8 ta’ Ġunju u stieden lil kulħadd jingħaqad miegħu, mal-Prim Ministru u mal-Partit Laburista, biex, flimkien, isaħħu l-identità Maltija u Għawdxija.
Bajada, li qed jittama li jkun il-leħen ġdid tal-Maltin u l-Għawdxin fl-Ewropa, appella lil dawk preżenti biex jingħaqdu mal-Partit Laburista u, bil-vot tagħhom, jagħtu saħħa lill-kultura u t-tradizzjonijiet – li jagħtuna identità.
L-attività kienet indirizzata wkoll mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministri Miriam Dalli u Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Segretaju Parlamentari Omar Farrugia.