Waqt laqgħa tal-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea, Malta appellat favur għajnuna akbar għall-pajjiżi li qegħdin fil-periferija tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-pajjiżi mhumiex magħquda b’mod sħiħ man-netwerk tal-enerġija Ewropew u għandhom opportunitajiet limitati biex iżidu l-ammont ta’ rinnovabbli tagħhom.
Malta, filwaqt li hija mqabbda mal-grid tal-elettriku Ewropew, għadha mhix imqabbda mal-grid tal-gass Ewropew.
Il-Ministru Miriam Dalli appellat għal tranżizzjoni lejn enerġija nadifa li ma tħalli lill-ebda pajjiż jaqa’ lura. Semmiet il-ħtieġa li l-finanzjament għall-proġetti tal-enerġija jitqassam mal-pajjiżi kollha b’mod ekwu u jindirizza proġetti li għadhom pjuttost innovattivi bħall-proġetti li huma floating offshore.
Il-Ministru sostniet li biex il-pajjiżi kollha jimxu lil hinn minn sorsi li jniġġsu hemm bżonn ta’ investimenti akbar fl-infrastruttura, investiment akbar f’aktar interkonessjonijiet u li jkun hemm flessibilità akbar fil-mod kif isiru investimenti fi storages tal-enerġija inklużi batteriji tal-massa.
Il-Ministru Dalli enfasizzat il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tħares mal-fruntieri tagħha fejn hemm numru ta’ pajjiżi li għandhom potenzjal qawwi ta’ enerġija rinnovabbli. Appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex tinnegozja ftehim reġjonali bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi biex kull stat membru jkollu l-opportunità li jibbenefika minn proġetti ta’ interkonnessjonijiet reġjonali.