Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Gvern se jibqa’ jagħmel dak kollu possibbli biex, dak li hu tradizzjoni f’pajjiżna, jibqa’ jżommu.
Dr Abela qal dan f’kumment mal-midja dwar il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali li tressqu fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar din il-kawża.
“Jiġifieri hawnhekk l-argument li nemmen jien li huwa l-aktar wieħed prinċipali mhumiex jekk taqbel mal-kaċċa jew le, jew jekk taqbel mal-insib jew le, jew ma’ delizzji tradizzjonali oħrajn. Imma l-prinċipju hu jekk persuna f’Malta jew Għawdex, li tgawdi minn wieħed minn delizzji tradizzjoni, l-istat għandux jipproteġiha bis-saħħa tiegħu kollha biex tibqa’ tgawdi d-delizzju tradizzjonali u l-fehma tiegħi hi li iva, għandna nużaw l-għodod legali kollha biex dawk id-delizzji tradizzjonali nipproteġuhom. Għaliex nifhem ukoll l-importanza tad-delizzju fil-ħajja tal-bniedem, il-bniedem mhux magħmul mix-xogħol biss, imma d-delizzju hu parti sew mill-ħajja tal-bniedem u allura konna l-unika Gvern li kuntrarju għal dak li għamel ħaddieħor li daħaq minn min għandu d-delizzji tradizzjonali u daħku bihom sfaċċatament bil-miktub u dik il-kelma marru lura. Aħna se nagħmlu u nkomplu nagħmlu dak kollu li hu possibli, anki jekk l-eventwali deċiżjoni tal-ECJ tiġi kuntrarja, aħna se nkomplu nagħmlu dak li hu possibli, li dak li hu tradizzjonali f’pajjiżna nipproteġuh għaliex għandek eluf ta’ dilettanti li jemmen li għandhom dritt igawdu dak id-delizzju.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
AQRA AKTAR: