Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar investiment ta’ sittin miljun ewro (€60 miljun) mill-kumpanija Baxter fi proġett ta’ espansjoni tal-kumpanija, li timmanifattura tagħmir mediku.
Din l-espansjoni se ssir bl-għajnuna tal-Gvern Malti, permezz tal-Malta Enterprise u INDIS Malta, u se tissarraf f’180 impjieg ġdid, bi tkabbir fil-kapaċità produttiva ta’ 20%.
Din l-espansjoni ta’ din il-kumpanija se twassal biex tliet fabbriki se jiġu rilokati għall-istess Żona Industrijali tal-Marsa.
F’konferenza tal-aħbarijiet, wara żjara li għamel f’din il-kumpanija, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif din l-espansjoni, it-tielet waħda tal-kumpanija Baxter f’pajjiżna, hi xhieda ta’ kemm pajjiżna għandu ekonomija reżiljenti li tiflaħ għax-xokkijiet internazzjonali, waqt li tiffaċilita t-tkabbir.
Dr Abela fisser din l-espansjoni bħala waħda li turi r-rieda ta’ kumpanija li tkompli tkabbar l-operat tagħha f’pajjiż li għandu klima ekonomika b’saħħitha.
Hawnhekk semma ċ-ċifri uffiċjali maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fis-sigħat li għaddew fejn juru kif l-ekonomija Maltija kibret tnax-il darba aktar mill-medja Ewropea fl-ewwel kwart ta’ din is-sena.
Dr Abela qal li l-investiment mill-privat, l-investiment fi start-ups u t-tkabbir tan-negozji lkoll jissarrfu f’aktar dħul u allura konsum fl-ekonomija.
“Fl-aħħar mill-aħħar hu fiduċja, għax il-kumpanija Baxter, li hi kumpanija internazzjonali li terġa’ tagħżel lil pajjiżna biex tagħmel espansjoni tant importanti, qed nitkellmu sittin miljun ewro ta’ investiment ta’ ħolqien ta’ karrieri ġodda għaż-żgħażagħ Għawdxin u Maltin u għalhekk nappellalhom, studjaw kemm tifilħu ħalli l-aqwa opportunitajiet li qed noffru taħtfuhom intom, kemm dawk li qed jistudjaw fl-MCAST, kemm dawk li qed jistudjaw fl-Università. Xogħlna hu li noħolqu dawn l-opportunitajiet, xogħolkom hu li taħtfuhom. U nieħu pjaċir li nara management li tant jirrispetta lill-ħaddiema, ħaddiema li qed jagħtu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom b’mod b’saħħtu. Din hi s-soċjetà li rrid nara. Verament meta niġi f’dawn il-postijiet tax-xogħol, nara dik is-soċjetà li jien noħlom għal pajjiżi, soċjetà tal-lum u t’għada wkoll u tant għalhekk ninsab ottimist għall-futur ta’ pajjiżna.”
Min-naħa tagħha, id-Direttriċi tal-Manifattura ta’ Baxter, Christelle D’Amato, sostniet li din il-kumpanija bħalissa tħaddem magħha madwar 700 ħaddiem, li huma stabbli u ta’ kwalità.
Ma’ ONE News, D’Amato tkellmet dwar x’tip ta’ impjiegi se toħloq Baxter b’dan l-investiment massiċċ.
“Inġinieri ovvjament u ċerti tekniċi li jkollna bżonn dejjem, għax ovvjament aħna ħa jkollna ħafna magni. Jiġifieri dawk huma nies importanti għalina. Apparti, aħna għandna wkoll ir-research and development. Jiġifieri nistgħu nistennew ukoll li jkun hemm xi xogħlijiet għall-inġinieri, kif ukoll xjenzati fir-research and development.”
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, li sostna li, biex il-kumpaniji jimxu ’l quddiem, hemm bżonn l-istabbiltà, kif tiddetta u timbotta l-politika tal-Gvern.
Hu sostna kif it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu, kif ikkonfermat mir-rapporti tal-aġenziji ta’ kreditu u istituzzjonijiet internazzjonali, qed iwasslu biex, ġimgħa wara ġimgħa, qed ikun hemm investimenti bħal dan minn Baxter.
Intqal kif dan l-investiment qed joħloq Malta ta’ suċċess, b’impjiegi ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin.