Floriana rebħu l-MFA Under 16 Youth Futsal League meta fil-finali għelbu lil Birkirkara 2-1. Kienet logħba ferm emozzjonanti u bilanċjata bir-riżultat li seta’ mar f’kull naħa. Fuq kollox, il-Greens kienu kapaċi jdawru telfa f’rebħa sabiex kisbu suċċess f’din il-kompetizzjoni.
Birkirkara marru minn fuq permezz ta’ Daniel Agius sabiex ftit wara Daniel Camilleri ġab l-iskor indaqs. Ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, Floriana kellhom iċ-ċans imorru minn fuq meta ngħataw penalty iżda Sky Chetcuti ra x-xutt tiegħu milqugħ tajjeb mill-goalkeeper ta’ Birkirkara Sheldon Mercieca.
Fit-tieni taqsima, Floriana skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Zyas Newell Vella li ħa vantaġġ minn rebound sabiex xeħet il-ballun fix-xibka.
Fi tmiem il-konfront, il-captain ta’ Floriana Zyas Newell Vella ġie ppreżentat bit-tazza mill-viċi-president tal-MFA Dr Matthew Paris fjl-preżenza tad-direttur tal-MFA Futsal and Beach Soccer Mark Marlow.
Referees kienu Danilo Francalanza u Andrea Naudi.
Sadanittant sar magħruf li Naxxar Lions rebħu l-unur tal-aqwa fair play bl-aqwa skorer ikun Aeneas Farrugia ta’ Birkirkara. L-aqwa goalkeeper ta’ dan it-tournament kien Gabriel Fabri ta’ Floriana filwaqt li l-aqwa plejer kien Zyas Newell Vella tal-istess Greens.