Meta kien qed jindirizza attività fil-Birgu, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, tkellem b’mod ċar dwar il-ħiliet tal-kandidat tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew, Claudette Abela Baldacchino. Tkellem dwar il-valuri tal-Partit Laburista u kif Claudette Abela Baldacchino hija fost dawk l-iktar jistgħu jmexxuhom ‘il quddiem.
Il-Prim Ministru qal kif dejjem kien konvint mill-kontribut b’saħħtu li tista’ tagħti bil-kandidatura tagħha Abela Baldacchino, fejn irrimarka li hija, “Champion tal-qasam soċjali, bi prinċipju li timbotta’ l quddiem lil dawk l-iktar li jeħtieġu l-għajnuna.” Barra minn hekk, emfasizza kif Claudette qatt ma beżgħet tindirizza kwistjonijiet li ħafna jibżgħu jitkellmu dwarhom.
“Meta niddeskrivi l-valur li tat lill-kandidatura tagħna Claudette, ngħid li għandna kandidatura żagħżugħa u kandidatura robusta, li mbagħad tħaltet magħha l-esperjenza li għandha Claudette, li tifhem il-politika u ħadmet f’kull parti tal-partit,” qal il-Prim Ministru li tkellem dwar l-esperjenza ta’ Claudette bħala membru tal-Parlament Ewropew.
Żied li Abela Baldacchino kienet hemm f’mumenti li ma kinux faċli, fejn qal, “Dejjem kont issibha hemm tagħmel l-iktar xogħol diffiċli, u ta’ dak vera nammiraha.”
Il-Prim Ministru kkonkluda dan kollu f’messaġġ ta’ inkoraġġiment qawwi għall-kandidatura ta’ Abela Baldacchino, fejn anke stqarr li ħadmet fl-istrutturi kollha tal-Partit Laburista u hija meqjusa bħala Laburista tal-azzar.