Għadu kif tħabbar li, għal sena oħra f’Awwissu li ġej, se jiġi organizzat f’pajjiżna l-festival SummerDaze, fejn jawgura li jkun akbar minn qatt qabel. Fost l-artisti kbar, li hemm din is-sena, insibu lill-artist ta’ fama dinjija Sam Smith, li se jkun qed jieħu sehem bħala parti mill-Gloria Blackout Tour tiegħu.
Minbarra hekk, se jkun hawn fostna wkoll Becky Hill u Charlie Hedges, flimkien mal-artist lokali Shaun Farrugia, fost oħrajn.
Iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-MTA, Gavin Gulia, stqarr li hekk kif issa anke skatta l-istaġun tal-festivals, SummerDaze hu attrazzjoni sew għat-turisti, li hemm minnhom li jiġu għalih apposta, kif ukoll għall-familji Maltin u Għawdxin.
Sostna li hu b’dan il-mod u prodott diversifikat li l-MTA, flimkien mal-istakeholders kollha, qed jirnexxielha tikseb dawn ir-riżultati favolużi fil-qasam tat-turiżmu fejn anke naraw li n-numru ta’ turisti f’pajjiżna qiegħed dejjem jiżdied.
Aħna pajjiżna jrid ikun t’attrazzjoni għat-turist potenzjali billi meta jiġi pajjiżna jkun jista’ jara ħafna affarijiet differenti. Waħda mill-affarijiet li jixtieq li jara meta jkun qiegħed hawnhekk anke biex jarrikkixxi l-esperjenza tiegħu, hu li jkollu portafoll u għażla ta’ festivals li jattendi għalihom.
Gavin Gulia, Chairman tal-MTA
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, spjega kif meta naraw artisti, bħal Sam Smith, ifisser kwalità għal dan l-avveniment li hu parti mill-istrateġija maħsuba, fejn dak kollu li qed jittella’ qed ikun kull darba sena aħjar mill-oħra, b’artisti rinomati biex b’hekk anke jkun attirat turiżmu ta’ kwalità.
Sostna li anke jkompli jħeġġeġ lill-organizzaturi biex ikomplu jħarsu ’l quddiem u dejjem jimmiraw għal prodott dejjem aħjar minn ta’ qablu.
Dan l-avveniment li qed naraw illum hu parti mill-kalendarju ta’ festivals u avvenimenti oħrajn li se jkollna matul dan is-sajf. Irridu naraw li jkollna sajf ieħor b’saħħtu biex noffru prodott turistiku divers minn dak li jiġi offrut f’pajjiżi oħrajn u fuq kollox ta’ kwalità aħjar milli offrejna fis-snin li għaddew.
Il-Ministru Clayton Bartolo
Dan il-festival se jkun qed jittella’ bejn il-11 u t-18 t’Awwissu, bl-avveniment prinċipali jsir nhar Santa Marija fil-15 t’Awwissu fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.