Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard iddeskriva l-‘gagging order’ fuq l-akkużati fil-proċeduri fil-Qorti kif ordnati mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, bħala sproporzjonata.
Il-Ministru Attard tkellem dwar dan waqt il-programm ‘Temi’ fuq ONE Radio, l-Erbgħa waranofsinhar.
“It-talba tal-Prosekuzzjoni biex issir dik deskritta pubblikament bħala ‘gagging order’ fuq l-akkużati biss, nemmen li kienet sproporzjonata. Dan speċjalment f’kuntest fejn kellek inkjesta kkaratterizzata minn leakage strateġiku wara ieħor u pronunzjament ta’ aktar minn imħallef wieħed li jiddeplora dan kollu. Dak mitlub mill-maġistrat u ċioe li kulma jingħad u jintqal dwar każ li jkun għadu qed jinstema’ għandu jkun fl-interess tar-retta amministazzjoni tal-ġustizzja, hu dak mistenni minn kull min jemmen fil-prinċipji l-aktar bażiċi tal-ġustizzja.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Il-Ministru Attard saħaq li dawn is-seduti qed isiru fil-miftuħ, waqt li sostna kif il-kuntest ta’ din il-kawża hu wkoll wieħed ikkaratterizzat minn kummenti pubbliċi kontinwi, fejn hemm fosthom li jarmu kompletament il-preżunzjoni tal-innoċenza u fis-sustanza tagħhom jgħajru lill-akkużati.
“Dan sa dalgħodu stess fejn l-għaqda Repubblika, stqarrija fejn qed iċċanfar lill-Qorti u b’hekk tindaħal bla rażan fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja bi stqarrija pubblika. Għax fejn ma jaqbilx lilhom, allura hemmhekk jistgħu jattakkaw lill-ġudikatura. Hawnhekk qegħdin ngħidu attakk fil-konfront ta’ żewġ maġistrati.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Il-Ministru Attard qal li japprezza li l-Prosekuzzjoni f’din il-kawża ma tridx li jkun hemm trial by media, iżda nnota kif hemm min dan ilu jiksru ripetutament fil-pubbliku.
“Hemm għaqdiet u nies fl-Oppożizzjoni li ilhom jagħmlu dan, iżda jidhirli wkoll li l-Prosekuzzjoni għandha tassigura li l-investigaturi ta’ pajjiżna jistħarrġu serjament il-leakages li kontinwament jimminaw is-serenità fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Dan ovvjament biex ma ndaħħlu ebda dubju li verament nemmnu li l-ġustizzja ma tħarisx lejn uċuh u nissalvagwardjaw l-indipendenza tagħha.“
Il-Ministru Jonathan Attard