Mir-rapport ekonomiku ta’ kull xahar, maħruġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, jirriżulta li l-attività ekonomika f’pajjiżna baqgħet tikber matul ix-xahar ta’ April.
Dan hekk kif l-andament tas-settur turistiku baqa’ ferm sostnut, waqt li s-sentiment ekonomiku fost il-familji u n-negozji baqa’ aħjar minn dak madwar l-Unjoni Ewropea. Dan kien jirrifletti sentiment pożittiv f’numru ta’ setturi.
Is-settur tal-proprjetà wkoll baqa’ għaddej tajjeb, b’żieda fil-bejgħ u fil-prezzijiet.
Dan ir-rapport tal-Bank Ċentrali kompla jindika aktar żidiet fl-impjiegi, filwaqt li r-rata tal-qgħad baqgħet f’livelli ferm baxxi u inqas mis-sena li għaddiet.
Fl-istess ħin ir-rata tal-inflazzjoni kompliet tonqos, kif kien diġà rrapportat, u issa din tinsab mal-medja Ewropea, avolja, meta tneħħi l-effett tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, ir-rata f’Malta hi ferm inqas mill-bqija tal-Unjoni Ewropea.
Il-Bank Ċentrali tenna li, f’Marzu, il-finanzi tal-Gvern komplew jissaħħu, frott tnaqqis fl-ispiża u titjib fid-dħul. Dan wassal għal tnaqqis fid-dejn nazzjonali.
Ċifri miġburin mill-banek lokali jindikaw li, fl-istess xahar, żdiedu mill-ġdid id-depożiti tal-familji biex dawn laħqu rekord ieħor ġdid.
Dan ir-rapport pożittiv dwar l-ekonomija Maltija ħareġ wara t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, fejn ħareġ li pajjiżna se jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
Dan minbarra r-rapporti pożittivi li ħarġu fl-aħħar jiem mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, u tal-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Moody’s, fejn din tal-aħħar tatna rating b’saħħtu bi prospetti stabbli.