Il-vot tat-8 ta’ Ġunju mhux vot importanti biss, għax irridu neleġġu r-rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew u fil-kunsilli lokali, imma wkoll għax irridu nagħtu vot ta’ fiduċja ieħor lill-Partit Laburista u lill-Prim Ministru Robert Abela.
Dan stqarritu l-kandidata għall-Parlament Ewropew Marija Sara Vella Gafà waqt attività organizzata mill-Partit Laburista f’Ħaż-Żebbuġ. Hawn hi stqarret li dan irid ikun vot ta’ fiduċja f’kull ministru tal-Kabinett u f’kull Segretarju Parlamentari fil-ħidma kbira li qegħdin iwettqu kull wieħed u kull waħda minnhom.
Is-Saħħa lill-Maltin għax fl-aħħar ħdax-il sena tajna s-saħħa lil kull Malti u Għawdxi. Dan għamilnieh b’inizjattivi u b’miżuri li tant kienu importanti biex tejjibna l-ħajjiet tal-Maltin u tal-Għawdxin. Għamilna dan billi tajna għejxien aħjar, billi tajna l-pensjonijiet u għollejnihom sena wara l-oħra, billi tajna ċ-childcare b’xejn, billi investejna fil-familji tagħna biex ikollhom għejxien aħjar.
Marija Sara Vella Gafà
Vella Gafà qalet li għandna nfehmu lil kulħadd kemm hu importanti l-vot tat-8 ta’ Ġunju biex ma nitilfux dan kollu. Appellat biex dawk li qed jgħidu li ma jridux jivvotaw, jersqu lejn il-kandidati tal-Partit Laburista u lejn il-Partit biex nisimgħuhom u nikkonvinċuhom bil-fatti, u ngħinuhom fejn ikun meħtieġ.
Dan il-Partit biss għandu f’idejh il-fatti x’juri minn fejn telaq il-pajjiż ħdax-il sena ilu għal dak li għandna llum. Hu l-Partit Laburista biss li joffri s-soluzzjonijiet għall-pajjiż. Tal-Partit Nazzjonalista mhuma joffru xejn.
Vella Gafà qalet li l-Partit Laburista għandu manifest b’għaxar temi importanti li fuqhom irid jimxi permezz tar-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament Ewropew. Politika li, fuq kollox, hi msejsa fuq il-paċi, politika li ġġib lil Malta l-ewwel u qabel kollox.
Hi qalet ukoll li qed nikkompetu kontra partit li kontinwament jiżra’ l-mibegħda, jattakka lin-nies personalment.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista jibqa’ magħqud wara l-Prim Ministru Robert Abela, partit wieħed li, mill-Gvern, jibqa’ jaħdem favur Malta u l-Maltin.
Waqt din il-provokazzjoni ġejja min-naħa tal-Oppożizzjoni, il-Laburisti jagħżlu li jibqgħu kalmi u l-Gvern ikompli jiggverna.
Għall-provokazzjoni, il-Laburisti għandhom iwieġbu billi fit-8 ta’ Ġunju joħorġu jivvotaw biex jagħtu sinjal ċar li jridu li l-pajjiż għandu jkompli jitmexxa minn Gvern Laburista fit-triq tal-progress.