“Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ta’ għaqda nazzjonali. Fejn hemm il-firda, aħna rridu nibqgħu nkunu l-aġenti tal-għaqda. Fejn hemm min irid jiżra’ l-mibgħeda, aħna rridu nkunu l-aġenti tal-imħabba. Lil Għawdex u Malta jien inħobbhom wisq biex inħalli lil xi ħadd milli jipprova jiffridna. Għalhekk l-għażla tat-8 ta’ Ġunju hija waħda kruċjali għal pajjiżna.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista meta kien qed jindirizza attività politika fil-Gżira.
Dr Abela saħaq li dan il-Partit fil-Gvern jwettaq dak li jwiegħed u jibqa’ l-uniku forza politika f’pajjiżna b’viżjoni, bil-kuraġġ u bis-saħħa li jagħmel minn pajjiżna, pajjiż ta’ suċċess. Kompla li l-partit fl-oppożizzjoni huwa mingħajr viżjoni u l-uniku manifest tiegħu kien proces verbal ta’ inkjesta maġisterjali. “Jien għandi mandat qawwi biex f’isimkom immexxi lil dan il-pajjiż dejjem ’il quddiem u dak il-mandat se naqdih,” saħaq Dr Abela.
Dr Abela kompla kif għandna Oppożizzjoni li baqgħet ma nbidlitx u għadha bl-istess arroganza u semma kif għadhom jemmnu li jistgħu jiggvernaw mingħajr il-mandat tal-poplu. “Dik l-attitudni, intom in-nies għax għandkom is-saħħa f’idejkom u dik is-saħħa tridu żżommuha f’idejkom, irrifjutajtuha għal darba, darbtejn tlieta. Konvint li se terġgħu tirrifjutaw l-arroganza tagħhom fit-8 ta’ Ġunju,” saħaq il-Mexxej tal-Partit Laburista.
Dr Abela tenna kif Gvern Laburista għandu l-umiltà, il-kuraġġ u s-saħħa li jkompli jirriforma. Semma kif b’vot b’saħħtu fit-8 ta’ Ġunju Gvern Laburista se jkompli jimplimenta l-elf proposta ta’ Malta Flimkien, se jkompli jġib l-investimenti, se jkompli jgħolli l-istipendji, se jkompli jżid il-pensjonijiet, se jkompli jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.
“Ħaddieħor ma jgħidulniex x’se jagħmlu għax il-pjan tagħhom huwa li jeħdulkom dak li tajnikom. Ħaddieħor il-pjan tiegħu huwa li jħott il-kisbiet kollha li ksibna bis-saħħa tagħkom flimkien. Jien se nibqa’ ffokat għax għandi l-fiduċja tagħkom. Fiduċja li tajtuwili biex inwettqu elf proposta,” sostna Dr Abela.
Il-Prim Ministru saħaq li fit-8 ta’ Ġunju l-poplu għandu għażla bejn min irid ikompli jsaħħaħ id-drittijiet ta’ kulħadd, għażla bejn min irid Malta magħquda, għażla bejn min irid imexxi ’l quddiem dan il-pajjiż. “Għażla fuq kollox bejn l-għaqda u l-firda. Jien nagħżel l-għaqda. Jien nagħżel li nkun magħkom,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.