“Komunjoni, kreattività, u tenaċità. Ejjew nikkunsidraw dawn il-kliem essenzjali, li huma rilevanti għall-Knisja fl-istat
permanenti tagħha ta’ missjoni, u speċjalment għas-Soċjetajiet Missjunarji tagħna msejħa għat-tiġdid sabiex ikunu
dejjem aktar effettivi fis-servizz,” qal il-Papa Franġisku waqt li kien qed jindirizza lid-Diretturi Nazzjonali tas-Soċjetajiet Pontifiċji Missjunarji miġbura f’Ruma għall-Assemblea Ġenerali Annwali l-ġimgħa li għaddiet.
Il-Qdusija Tiegħu kien qed jindirizza 120 Direttur Nazzjonali tas-Soċjetajiet Pontifiċji Missjunarji nhar is-Sibt, 25 ta’
Mejju, waqt l-udjenza tradizzjonali għall-Assemblea Ġenerali Annwali. Ħafna Diretturi Nazzjonali għamlu vjaġġ
speċjali lejn Ruma biex jattendu l-Assemblea fiċ-ċentru tal-Ispiritualità “Fraterna Domus” f’Sacrofano.
Id-Direttur Nazzjonali ta’ Missio Malta, Rev. Victor Agius, li attenda l-Assemblea, innota kif il-laqgħa annwali sservi
biex tispira u tgħin ix-xogħol tal-qafas internazzjonali ta’ missjunarji madwar id-dinja. “L-Assemblea Ġenerali
Annwali tas-Soċjetajiet Pontifiċji Missjunarji sservi lid-Diretturi bħala mument biex jingħaqdu u jirċievu l-gwida
spiritwali meħtieġa mill-Qdusija Tiegħu, li tispira ix-xhur li ġejjin ta’ xogħol. Hija opportunità għal riflessjoni u
komunjoni, fil-qsim tal-esperjenzi u l-aspirazzjonijiet mal-missjunarji sħab madwar id-dinja. L-esperjenza hija
okkażjoni unika, ta’ tama, lejn funzjoni missjunarja kkoordinata u organizzata sewwa, li tagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ miljuni, madwar id-dinja,” qal Rev. Victor Agius.
Il-Papa Franġisku ddiskuta ċ-ċelebrazzjoni tat-Trinità Qaddisa li kienet iċċelebrata lejliet. Huwa interpreta tliet
kelmiet ewlenin f’kuntest missjunarju, b’l-ewwel waħda tkun ‘komunjoni’: “Meta nikkontemplaw it-Trinità, naraw li
Alla huwa komunjoni ta’ persuni, misteru ta’ mħabba. L-imħabba li biha Alla jiġi jfittixna u jsalvana, imsejsa fl-esseri
tiegħu Wieħed u Tlieta, hija wkoll il-bażi tan-natura missjunarja tal-Knisja pellegrina fuq l-art.”
Il-“kreattività”, it-tieni kelma mogħtija mill-Papa Franġisku lid-Diretturi Nazzjonali tas-Soċjetajiet Pontifiċji Missjunarji,
hija ispirta mix-xogħol kreattiv ta’ Alla, “li jagħmel kollox ġdid.” Il-Papa saħaq, “L-attività missjunarja hija kreattiva sa
fejn l-imħabba ta’ Kristu hija l-oriġini, il-forma, u t-tmiem tagħha. Għalhekk, b’immaġinazzjoni bla tmiem, tali karità
tispira modi ġodda ta’ evanġelizzazzjoni u servizz lejn l-oħrajn, speċjalment il-fqar.”
“Tenaċità,” it-tielet kelma fdata mill-Papa Franġisku għar-riflessjoni tal-Assemblea, “Ejjew nikkontemplaw ukoll din
il-karatteristika tal-imħabba ta’ Alla Trinitarju li, biex iwettaq il-pjan tas-salvazzjoni tiegħu, b’fedeltà kostanti bagħat
il-qaddejja tiegħu matul l-istorja u, fil-milja taż-żmien, ta lilu nnifsu fi Kristu Ġesù. Il-missjoni divina ‘hija ħruġ bla
heda għal kull raġel u mara, sabiex jistedinhom biex jiltaqgħu ma’ Alla u jidħlu fil-komunjoni miegħu.”