Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, ħabbru li l-koppla u s-saqaf tal-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Assunta f’Ħal Għaxaq se jiġu rrestawrati permezz ta’ għajnuna finanzjarja li se tingħata lil din il-parroċċa.
F’kummenti li ta l-Kappillan ta’ Ħal Għaxaq, Dun Anton D’Amato, spjega fiex se jkunu qed jintużaw dawn il-fondi.
Qal, “Il-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq se tkun qed tibbenefika minn €120,000 minn Arts Council u Komunità Malta biex inkunu nistgħu nirrestawraw il-koppla u nibdew nagħmlu t-tiswijiet meħtieġa fuq is-saqaf tal-Knisja.”
Firxa ta’ xogħlijiet essenzjali se jkunu qed isiru fuq il-konservazzjoni tal-koppla, li jinkludu restawr tal-aperturi tal-injam, il-waterproofing tal-koppla nnifisha u l-fanal, kif ukoll il-konservazzjoni tal-ġebel innifsu. Il-bażi tal-kisi eżistenti tas-saqaf se jkun wkoll għaddej minn xogħol ta’ tiswija.
F’kummenti li ta, il-Ministru Bonnici qal li din il-ħidma qed issir biex mhux biss ikun protett il-patrimonju kulturali, iżda wkoll hekk kif din tintuża b’mod reliġjuż ta’ kuljum mill-komunità.
Qal, “Il-parroċċi huma punt ta’ referenza għall-komunitajiet tagħna mhux biss għax huma punt storiku importanti ħafna, huma aspett kruċjali tal-pajsaġġ tal-irħula tagħna, imma anke għax huma post importanti ħafna fejn jiġu moqdijin diversi funzjonijiet reliġjużi, imma anke wkoll kulturali fl-aspett sagru. Aħna għandna l-obbligu li ngħinu biex ikollna aktar u aktar proġetti ta’ restawr u biex intejbu il-parroċċi tagħna.”
Il-finanzjament għar-restawr tal-Knisja ta’ Ħal Għaxaq sar possibbli bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u Komunità Malta.
Tkellem dwar dan il-ftehim il-Ministru Byron Camilleri.
Qal, “Permezz ta’ Komunità Malta qegħdin proprju nkomplu ninvestu fil-komunitajiet tagħna, għaldaqstant sar ftehim biex ikun hemm diversi investimenti madwar Malta u Għawdex li proprju jħares il-patrimonju kulturali tagħna.”
Preżenti kien hemm ukoll Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq.