Ħamrun, Naxxar Lions u La Playa de Arena kisbu post fis-semifinali tan-Nestle Ice Cream Beach Soccer Tournament meta kisbu rebħiet importanti matul il-ġimgħa l-oħra. Jonqos issa li jiġi deċiż ir-raba’ tim li se jagħmilha għall-fażi l-aktar importanti bit-timijiet l-oħra li kollha għadhom biċ-ċans.
Ħamrun baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika wara li kisbu żewġ rebħiet importanti kontra avversarji meqjusa sfidanti għat-titlu. Huma għelbu lil Naxxar Lions 7-2 f’logħba li huma ddominaw għal ħafna ħinijiet.
L-eroj tal-Ħamruniżi kien David Emanuel Garba li kien awtur ta’ erba’ gowls b’Nezar Abouhaisa u Weverton Gomes li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Lydon Micallef u Kurt Borg skorjaw l-uniċi gowls tan-Naxxarin.
Ħamrun għelbu wkoll l-isfida iebsa li tawhom Sliema Beach Soccer għalkemm xorta għelbuhom 7-5.
Garba kompla jiddistingwi ruħu meta skorja erba’ gowls b’Nezar Abouhaisa jwettaq doppjetta personali. Chris Baker ukoll niżżel ismu fost l-iskorers għall-Ħamruniżi.
Sliema baqgħu fil-logħba grazzi għat-tripletta ta’ Vincenzo Margiotta u d-doppjetta ta’ Sharlon Diacono.
Is-Slimiżi pattew għal din it-telfa wara li għelbu lil Ta’ Xbiex 8-5.
Vincenzo Margiotta kompla juri l-potenzjal tiegħu f’dan il-kampjonat wara li skorja ħames gowls b’Giuseppe Barone, Simone Palma u Sharlon Diacono li wkoll sabu x-xibka.
Saturday Nanapere skorja tripletta għal Ta’ Xbiex b’Koiba Desire li żied tnejn oħra.
Naxxar Lions irritornaw għar-rebħ wara tliet telfiet konsekuttivi hekk kif għelbu lil Birżebbuġa Tigers 8-2.
Kurt Borg skorja hat-trick għal Naxxar filwaqt li Mark Camilleri skorja doppjetta. Nicholas Schembri u Daniel Zerafa komplew iżidu l-iskor għat-tim tagħhom.
Brandon Bray u Lydon Cuschieri irrispondew għal Birżebbuġa li ftit tal-jiem wara taw walk-over lil La Playa de Arena sabiex tilfu 3-0.