Luxol St Andrew’s wettqu tripletta ta’ suċċessi fil-futsal lokali meta l-Ġimgħa filgħaxija rebħu l-E & L Futsal Trophy b’wirja dominanti fuq ŻRQ Bormla wara skor ta’ 8-0.
It-tim immexxi minn Gabriel Dobre żied din it-tazza wara r-rebħ tas-Super Cup fil-bidu tal-istaġun u l-Enemed Futsal League.
Luxol urew l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u sa tmiem l-ewwel taqsima kienu diġa’ 4-0 minn fuq. Fit-tieni taqsima, huma komplew jamministraw il-logħba filwaqt li skorjaw erba’ gowls oħra.
Il-captain Mark Zammit u Andre Ciancio kienu awturi ta’ doppjetta kull wieħed filwaqt li Andy Mangion, Robert Stoyanov, Luke Gatt u Michael Borg żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Fi tmiem il-konfront setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Luxol li laħqu l-qofol tagħhom meta s-segretarju ġenerali tal-FMA Dr Stefan Cutajar ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Luxol Mark Zammit.
Referees kienu Clint Cassar u Stephen Vella.