Wara li l-Ġimgħa, f’konferenza tal-aħbarijiet fl-Imsida l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Partit Nazzjonalista Charles Bonello ħabbar li se jsiru studji dwar l-hekk imsejħa carrying capacity għal kull lokalità, l-għada s-Sibt f’Kerċem, Bernard Grech beda jispjega għalxiex se jintużaw dawn l-istudji.
Il-Kap Nazzjonalista qal li wasal iż-żmien li, minflok il-mod kif isir l-ippjanar issa, il-kostruzzjoni u t-traffiku f’kull lokalità jsir skont dak li jgħidu dawn l-istudji.
Il-kunċett ta’ carrying capacity jintuża l-aktar fir-riċerka fl-industrija turistika fejn ċerti pajjiżi jipprovaw jikkalkulaw kemm turisti jifilħu jmorru f’post partikolari. Meta l-ammont ta’ turisti jinstab li jkun għoli aktar minn dan l-ammont, imbagħad jidħlu miżuri bħal kwoti jew inkella taxxi żejda.
Jidher li dak li s’issa hemm tentattivi li jsir għat-turisti f’pajjiżi oħrajn, Bernard Grech se jagħmlu għar-residenti ta’ kull lokalità f’pajjiżna.
Dan ifisser li l-pjan ta’ Grech hu li l-ammont ta’ carrying capacity li jikkalkulaw kunsilli mmexxija mill-Partit Nazzjonalista, jibda jaffetwa kemm ikun jista’ jsir bini ġdid f’dik il-lokalità, kemm jistgħu jmorru persuni jikru fih u kemm jistgħu jgħaddu karozzi minn hemm.
Waqt li Bernard Grech ipprova jagħti l-impressjoni li dan tal-carrying capacity hu xi metodu aċċettat minn kulħadd, teżisti kontroversja u xettiċiżmu minn bosta.
Pereżempju, f’artiklu ppubblikat fl-2018, anke l-ekonomista Lino Briguglio, li Bernard Grech stiednu jitkellem fil-Konferenza Ġenerali tiegħu ftit tal-jiem ilu, kien qal hekk fuq dawn l-istudji: “this is in fact the major problem with the carrying capacity argument in that, although this concept is well understood, it is difficult to find which tourist numbers exceed the carrying capacity of a destination”.
Li jfisser li anke l-ekonomista ppreferut minn Bernard Grech stess għandu dubji serji fuq dawn it-tip ta’ eżerċizzji.
Dan fl-istess ħin li l-Partit Nazzjonalista tenna li ma jafx kemm se jiġu jiswew u li jrid li jitħallsu mill-fondi tal-kunsilli nfushom.