Il-Qorti ċaħdet talba tal-Oppożizzjoni biex, fil-kawża li fetħet b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet, tiġi esebita kopja tal-inkjesta li saret mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-Qorti kienet diġà tat deċiżjoni fuq dan u ċaħdet talba inizjali tal-Oppożizzjoni, permezz tal-Avukat tagħha Edward Debono, u issa reġgħet ċaħdet dan. F’dikjarazzjoni iebsa wkoll qalet li hi ma titmexxiex minn “nofs tużżana persuni” iżda mit-talbiet li għamlet l-Oppożizzjoni meta fetħet il-kawża.
L-Imħallef Toni Abela qal li l-Qorti hi ddispjaċuta mmens li inkjesta sensittiva, bħalma hi dik tal-isptarijiet, qed tintuża minn nofs tużżana nies biex jagħmlu l-ħsara, waqt li jkebbsu n-nar u jagħmlu ħsara lil pajjiżna.
Qal li mhu se jħalli lill-ebda midja tmexxi lill-Qorti minn imneħirha.
F’din is-seduta, li preżenti għaliha kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, l-Avukat ta’ Bernard Grech, Edward Debono, infexx jattakka lill-Prim Ministru b’allegazzjonijiet foloz u attakki personali.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela, mal-ħruġ tiegħu mill-Qorti, wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.