Kurt Gatt, wieħed minn dawk li l-Istamperija jużawhom bħala uffiċjali tas-sigurtà u mhux darba u tnejn kien f’nofs l-inkwiet, kiteb fuq Facebook li ħa l-leave għat-Tlieta. Dan b’referenza ċara għas-seduta tal-Qorti ta’ għada marbuta mal-każ tal-Vitals.
Fuq Facebook kiteb il-kliem ‘invictus’ b’referenza ċara għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat u fil-post għamel ukoll ‘tag’ ta’ Tonio Zampa, wieħed min-nies li l-Partit Nazzjonalista juża għas-sigurtà u li kien protagonist meta hu u nies oħrajn ta’ Austin Gatt, bħal Ernest Tonna, ma ħallewx jidħlu fid-Dar Ċentrali lil deputati Nazzjonalisti stess.
Kurt Gatt indika li t-Tlieta se jkun il-Belt biex ikkonferma dak li fl-Istamperija ilu jingħad għal diversi jiem.
Aktar minn hekk ONE News jista’ jikkonferma b’ċertezza li nies oħrajn, li bħal Gatt huma mill-klikka ta’ Austin Gatt, irċevew telefonati biex it-Tlieta filgħodu jkunu l-Belt, anke jekk sal-aħħar sigħat Bernard Grech baqa’ jgħid li mhemm xejn ippreparat mill-Partit Nazzjonalista.
Issa kien wieħed minn tiegħu stess li, bl-inkejja fuq Facebook, kixef il-pjan ta’ provokazzjoni mill-Partit Nazzjonalista.
Kurt Gatt ġieli ntuża anke biex iwaqqfu l-ġurnalisti tagħna milli jagħmlu x-xogħol tagħhom.
Kurt Gatt mhuwiex mill-ħelwin, kif jgħidu mhux biss is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali, imma wkoll dawk li huma midħla tal-logħba tal-ballun. Fil-fatt dan tressaq il-Qorti anke fuq theddid lil referee u kellu jiddefendih lid-Deputat tal-establishment u tal-‘Blue Heroes’, Chris Said.
Minbarra dan, hu tressaq il-Qorti diversi drabi, mixli b’akkużi fuq frodi.
Fl-2010, Kurt Gatt, li hu minn Tal-Pietà, kien anke weħel sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li uża cheque book misruq u xtara numru t’affarijiet, fosthom għasafar eżotiċi, deheb, fwieħa u alkoħol.
Fl-2002 kien ukoll ammetta li ffalsifika ċekkijiet tal-Bank of Valletta u kien ingħata l-libertà bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tmintax-il xahar.