Joseph Grech huwa l-Bormliż ta’ 48 sena li s-Sibt waranofsinhar tilef ħajtu traġikament wara li ttajjar minn ambulanza ftit passi ’l bogħod minn fejn kien jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum.
Ftit mumenti wara t-traġedja, mal-ewwel dwiet l-aħbar mal-pajjiż kollu li l-vittma kien ħaddiem tas-saħħa u li b’tant dedikazzjoni, kien jaħdem fid-Dipartiment tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.
Fuq il-midja soċjali, baħar ta’ kummenti sellmu l-memorja tar-raġel, li għalihom kien kollega, ħabib, ġar jew qarib. Kollha kemm huma ddeskrivewh bħala raġel b’qalb tajba, li jaf iħobb, umli u ċajtier.
Fost il-mijiet ta’ kummenti, spikka l-messaġġ ta’ mart Joseph, Lorraine.
F’kitba fuq Facebook kmieni l-Ħadd filgħodu bdiet billi rringrazzjat lil kulħadd tas-solidarjetà li qed juru magħha u maċ-ċkejken binhom.
B’ton ta’ dieqa martu kitbet hekk; “ma nistax ma nsemmix il-karattru ferrieħi, impulsiv, u storbjuż ta’ Joseph, imma fuq kollox infakkar l-imħabba u d-devozzjoni kbira li kellu lejn Ommna Marija Immakulata u Sidna Ġesù Kristu. Il-ġurnata tal-bieraħ fissret li f’ħakka t’għajn kelli nċedih minn magħna biex imur jingħaqad magħhom u ma’ missieru u ommu li tant kien iħobb. Strieħ fis-sliem Joseph u għinni nkompli nrabbi lit-teżor tagħna, minn hemm fuq. Inħobbuk.”
Joseph Grech kien magħruf ukoll għall-vuċi unika li kellu, u fil-fatt bosta fakkru li huwa kien wieħed mill-vuċijiet tas-sigla ferm popolari tas-serje televiżiva Maltija, Gizelle.
Is-surmast mużikali Herman Farrugia Franz fuq il-midja soċjali qal kif fil-ġurnata tat-traġedja Joseph kellu jibda jkanta magħhom f’Ħal Tarxien, “iżda l-mużika tiegħu baqgħet tistennih fuq is-sedja tal-kor.”
F’Għawdex is-Sibt filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll sellem il-memorja ta’ Joseph Grech.
Żgur li ma naqasx ix-xokk enormi fost il-kollegi tiegħu f’Mater Dei, fejn għexieren ta’ tobba, infermiera u ħaddiema oħra fl-Isptar, fakkru l-memorji li għandhom miegħu b’ritratti u kitbiet fuq il-mezzi soċjali.
Memorji li żgur se jibqgħu f’qalb bosta.
Joseph illum m’għadux magħna, iżda l-ħafna ġid li għamel fuq din l-art żgur li mhu se jintesa qatt.