“Dalgħodu erġajna assistejna għal Kap tal-Oppożizzjoni li m’għandu xejn x’joffri għall-futur tal-pajjiż. Kap tal-Oppożizzjoni li jrid jieħu l-pajjiż lura u mhux ‘il quddiem.”
Hekk innota l-Partit Laburista fi stqarrija li fiha qal li kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni jixhed diskors ta’ politiku cheap li jrid jinstiga l-inkwiet u jifred lill-poplu Malti u Għawdxi.
Quddiem Kap tal-Oppożizzjoni provokattiv, il-Partit Laburista appella biex ħadd m’għandu jaqa’ għan-nassa tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Ġie rimarkat il-gideb fost l-għajjat u l-isteriżmu ta’ Grech.
Il-Partit Laburista fakkar ukoll li kontra dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni mmexxi mill-establishment, il-Prim Ministru kien l-ewwel wieħed li talab li tiġi ppubblikata l-inkjesta mill-Avukat Ġenerali.
Dan ferm qabel il-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Fuq kollox id-diskors ta’ Bernard Grech dwar Robert Abela hu diskors fieragħ li jġibuh fix-xejn l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, fosthom, iżda mhux biss, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li kienu ċari dwar it-tmexxija retta ta’ Robert Abela”, temm jinnota l-Partit Laburista.