F’dibattitu ieħor tal-Awtorità tax-Xandir fuq l-istazzjon nazzjonali b’rabta mal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, bit-tema ‘Ewropa Aktar b’Saħħitha’, il-kandidat Laburista Thomas Bajada tkellem dwar diversi temi ta’ importanza.
Dwar l-identità Maltija, hu nnota l-importanza li nippriservaw u niddefendu dak li jiddefinixxina bħala Maltin u Għawdxin.
Hawnhekk semma li prijorità ewlenija għas-snin li ġejjin, għandha tkun li l-identità tagħna tkun rikonoxxuta anke fuq livell Ewropew.
“Ejja nħarsu lejn l-identità bħala dik li lilna tagħtina appartenenza, dik li lilna tagħtina l-benessere ta’ pajjiżna, il-wens ta’ ħajjitna u b’hekk irridu naraw li l-identità Maltija u Għawdxija tkun promossa u parti integrali mill-identità Ewropea fejn niżguraw li l-identità tagħna tkun riflessa sew fl-identità Ewropea li hija diversa.”
B’esperjenza ta’ ħames snin xogħol fi Brussell, Thomas Bajada nnota kif iż-żgħażagħ kollha għandhom ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħhom u kulħadd għandu jingħata l-opportunità li jirnexxi.
Hawnhekk tkellem fuq l-aċċess għall-edukazzjoni.
“Għandna żgħażagħ li jgħiduli, Thomas, jiena m’iniex tal-ktieb. Nifhem dawn ir-realtajiet u għalhekk irridu nerġgħu nintroduċu skejjel tas-snajja’, l-apprentistat u miżuri differenti biex dawn iż-żgħażagħ nagħtuhom dinjità u nagħtuhom fuq xiex jaħdmu għall-futur tagħhom, għall-ħolm tagħhom, għal dak li jieħdu pjaċir jagħmlu.”
Bħala kandidat Għawdxi, ma naqasx li jitkellem dwar il-Gżira tat-Tliet Għoljiet, fejn semma l-konnettività diġitali bejn Għawdex u l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
“Żgħażagħ, persuni, li jixtiequ jagħmlu l-investiment tagħhom f’Għawdex stess, ikunu jistgħu jilħqu l-Unjoni Ewropea sħiħa, bi start-ups li grazzi għal investiment diġitali li jista’ jsir b’fondi Ewropej, inkunu nistgħu naraw Għawdex li jsir gżira ta’ opportunitajiet, gżira li mhux biss hi magħluqa bħala parti mill-arċipelogu Malti, imma tilħaq l-Unjoni Ewropea sħiħa.”
Il-kandidat żagħżugħ appella biex fit-tmienja ta’ Ġunju, in-nies joħorġu jivvotaw lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista biex jibnu fuq is-suċċessi li saru, kemm fuq livell lokali u anke dak Ewropew.