Heritage Malta u Project Green daħlu fi ftehim importanti biex iġeddu l-ispazji ħodor estensivi ta’ madwar Villa Portelli fil-Kalkara.
Fil-fatt, ġie ifformalizzat Memorandum of Understanding f’Villa Portelli stess, fejn dan il-ftehim qed jimmarka pass importanti fl-isforzi ta’ konservazzjoni u restawr ta’ din il-binja storika. Dan il-ftehim jagħti dettalji dwar kollaborazzjoni fuq konsulenza teknika, restawr tal-ambjent naturali, u xogħlijiet ta’ tisbiħ.
Villa Portelli bħalissa għaddejja minn trasformazzjoni fi spazju maħsub għal użi varji, li jkun aċċessibbli għat-tgawdija tal-pubbliku.
Heritage Malta se tkun qed tissorvelja l-protezzjoni u l-monitoraġġ tas-sit, filwaqt li Project Green se jmexxi l-implimentazzjoni tax-xogħlijiet ta’ restawr tal-ispazji ħodor, inkluż it-tindif, it-tneħħija ta’ speċi invażivi, iż-żbir, u t-tisbiħ.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li din is-sħubija tirrifletti impenn komuni għall-konservazzjoni tal-wirt kulturali għani ta’ Malta u l-promozzjoni ta’ prattiki sostenibbli fl-immaniġjar tal-patrimonju.
“Dan il-ftehim huwa mportanti immens għal Heritage Malta u għall-patrimonju tagħna għaliex Heritage Malta weħidha ma tistax tilħaq il-missjoni tagħha illi tissalvagwardja kull patrimonju kulturali li għandna f’dan il-pajjiż. U għalhekk, Project Green permezz tal-esperti tagħhom fuq l-ambjent ser ikunu qed jgħinuna inwettqu din il-missjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri, qal li Project Green jappoġġja bis-sħiħ il-proġett f’Villa Portelli u huwa impenjat li jalloka kwalunkwe riżorsa meħtieġa minn Heritage Malta biex dan il-proġett ikun suċċess.
“Huwa proġett importanti ħafna, proġett li meta tarah verament timpressjona ruħek bil-kobor tiegħu u l-prestiġju li għandu, u aħna kuntenti ħafna li qed naraw dan il-proġett iseħħ u jkompli jitgawda mill-pubbliku.”