Il-Gvern u l-MUT ħabbru b’sodisfazzjon li l-laqgħat u n-negozjati li saru, anke din il-ġimgħa stess, wasslu biex jintlaħaq qbil li, permezz tiegħu, l-Unjin tal-Għalliema tista’ tmur għand il-membri tagħha u tressaq dan il-ftehim għall-approvazzjoni tagħhom għal ftehim settorjali ġdid.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-MUT l-Ġimgħa waranofsinhar.
Il-Ministeru u l-MUT irringrazzjaw lil dawk kollha li kienu madwar il-mejda tad-diskussjonijiet għall-impenn u x-xogħol tagħhom li wasslu biex wasalna s’hawn.
Sadanittant irreaġixxa għal din l-aħbar il-Prim Ministru Robert Abela, li rringrazzja lill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u lill-ħaddiema taċ-Ċivil iddedikat li ħadem għal dan il-qbil.
Il-Prim Ministru sostna kif dan il-ftehim jimmarka l-investiment mingħajr preċedent u sinifikanti favur l-edukazzjoni u l-futur ta’ pajjiżna.
I welcome the successful conclusion of the new collective agreement negotiations with MUT. Kudos to Minister Grima & all the dedicated civil servants involved. This will mark a significant & unprecedented investment in our children's education and the future of our islands. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 24, 2024
F’dawn in-negozjati, il-Gvern poġġa fuq il-mejda tad-diskussjoni pakkett b’saħħtu għall-edukaturi, bil-laqgħat jintensifikaw fl-aħħar jiem, biex eventwalment wasslu għal dan il-qbil li se jkun qed jagħti l-aħjar pakkett lill-għalliema, li qatt ingħataw f’xi ftehim kollettiv fl-istorja.
Dan il-ftehim, li se jkopri perjodu ta’ ħames snin, se jagħti l-ħlasijiet kollha dovuti bl-arretrati.