Tlestew ix-xogħlijiet fuq il-proġett infrastrutturali fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa, jew kif inhi magħrufa bħala t-Triq tal-Għadira. Dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €10 miljun, kien jinvolvi l-bini mill-ġdid tat-triq u riġenerazzjoni tal-promenade tul il-bajja.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, inawguraw il-proġett li ħadmu b’kordinazzjoni u temmew b’suċċess flimkien il-professjonisti ta’ Infrastructure Malta u l-Awtorità tat-Turiżmu.
Il-ħidma, li kienet mifruxa fuq tul ta’ tliet kilometri fuq il-karreġġjati minn u lejn iċ-Ċirkewwa, bdew minn ħdejn ir-roundabout tal-Armier sar-roundabout tal-parti t’isfel tal-bajja tal-Għadira.
Ix-xogħlijiet inkludew tqegħid ta’ servizzi tal-ilma, sistemi ġodda ta’ distribuzzjoni tal-enerġija, bini mill-ġdid tat-triq u xogħol ta’ tisbiħ. Waqt dawn ix-xogħlijiet, l-Awtorità tat-Turiżmu ħadmet fuq il-bini mill-ġdid tal-promenade, mir-roundabout fejn tibda l-bajja tal-Għadira sal-parkeġġ tal-Armier.
Il-proġett inkluda organizzazzjoni mill-ġdid tat-triq bl-introduzzjoni ta’ parkeġġi fuq in-naħa tal-bajja fejn ikun hemm ħafna attività, b’hekk jonqos l-ammont ta’ nies li jkollhom bżonn jaqsmu l-kareġġjati bil-mixi. Il-proġett inkluda wkoll l-introduzzjoni ta’ infrastruttura pedonali tul il-proġett kollu, li se joffri iżjed sigurtà għal din iż-żona ffrekwentata minn mijiet t’eluf ta’ persuni kull sena.
Fil-proċess tal-kostruzzjoni mil-ġdid ta’ din it-triq, instabu servizzi li kienu fi stat ħażin u grazzi għall-interventi f’waqthom ġew evitati perikli għal min jgħaddi ta’ kuljum mit-triq tal-Għadira. Dan jixhed l-importanza li b’mod kontinwu l-infrastruttura tibqa tiġi aġġornata.
Il-Ministru Bartolo rrimarka kif dan il-proġett kien opportunità oħra li, permezz tagħha, toħroġ l-impenn tal-Gvern li l-investiment fil-prodott turistiku mhux biss nitkellmu dwaru, imma nwettquh.
Il-Ministru Bonett saħaq kif investiment ta’ din x-xorta juri kif b’kordinament bejn l-entitajiet, proġetti li għal ħafna żmien kienu ikkunsidrati li huma diffiċli wisq biex isiru, jistgħu jitwettqu u jagħtu riżultati ta’ livell għoli bħal dan li għandna illum.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, innota kif permezz ta’ dan l-investiment, l-inħawi tal-Għadira saru iżjed faċli li jitgawdew mill-familji matul is-sena kollha, u mhux fis-sajf biss. Hu rringrazzja lit-tekniċi taż-żewġ entitajiet u l-mod professjonali kif ħadmu flimkien biex wasslu proġett ieħor għall-komunità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, qal “Illum l-irwol tal-Awtorità m’huwiex biss illi nirreklamaw lil Malta u Għawdex u li nħajru linji tal-ajru biex jibdew joperaw lejn pajjiżna, iżda qed naħdmu wkoll biex nikkordinaw iżjed ħidma biex il-prodott turistiku lokali jkun dejjem aħjar.”