F’perjodu ta’ ħames snin, pajjiżna avvanza erba’ pożizzjonijiet fl-indiċi prestiġġjuż, li jikklassifika l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu madwar id-dinja kollha fl-ivvjaġġar u t-turiżmu fost 119-il pajjiż. F’dan ir-rigward, Malta issa qed tokkupa l-34 post.
It-Travel & Tourism Development Index ikejjel il-fatturi u l-politika nazzjonali f’dawn il-119-il ekonomija li jippermettu l-iżvilupp reżiljenti u sostenibbli fis-settur turistiku, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp nazzjonali.
L-indiċi ġie stabbilit fil-format il-ġdid fl-2022 u kompla fuq dak li kien magħruf sa dakinhar it-Travel & Tourism Competitiveness Index, li ilu joħroġ kull sentejn sa mill-2007.
Bit-tqabbil bejn il-pajjiżi u l-klassifikazzjoni tal-progressi fl-iżvilupp b’mod individwali, l-indiċi huma meqjus bħala gwida internazzjonali u jinfluwenza deċiżjonijiet ta’ investimenti fis-settur, waqt li jagħti ħarsa lejn is-saħħiet u l-ħtieġa ta’ titjib għal kull pajjiż bil-għan li jiġu sostnuti l-impenji relatati għal aktar tkabbir.
Interessanti li Malta, li rreġistrat skor finali ta’ 4.3 minn sebgħa, li hu l-aqwa skor possibbli, kienet waħda mill-ftit pajjiżi fid-dinja li s-sena li għaddiet irnexxielhom jirkupraw kompletament mill-effetti tal-pandemija.
Dan grazzi wkoll għall-politika adottata mill-Gvern Laburista fl-aħħar snin, inkluż biex ma jintilfux il-ħaddiema fis-settur fejn in-negozji kellhom jingħalqu kompletament bir-restrizzjonijiet imposti, waqt li l-poplu ġie inċentivat finanzjarjament biex ir-rota ekonomika tibqa’ ddur.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Travel & Tourism Development Index tfasslet b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Surrey u hi bbażata fuq tagħrif u statistika pprovduta minn organizzazzjoni dinjin, fost l-oħrajn, il-Ġnus Magħquda, il-World Health Organisation, il-World Trade Organisation, il-Bank Dinji u l-International Labour Organisation.