Id-diskussjonijiet mal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, dwar il-ftehim settorjali l-ġdid għall-edukaturi għadhom għaddejjin u huma produttivi. Ikkonferma dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti l-Ħamis filgħodu fil-Junior College.
Il-Prim Ministru qal ukoll li jinsab fiduċjuż li, fil-jiem li ġejjin, se jkun hemm ftehim li bih l-edukaturi se jirċievu dak li ħaqqhom, inkluż l-arretrati.
“Kienu diskussjonijiet produttivi, li telqu mill-punt tat-tluq li fuq il-mejda tal-proposti tpoġġew l-aktar sett ta’ proposti b’saħħtu li qatt ingħataw għalliema fi kwalunkwe ftehim kollettiv, li kellhom qabel. Jiġifieri qed nitkellmu hawnhekk dwar żidiet bla preċedent, dwar żidiet li qatt ma tpoġġew fuq il-mejda tan-negozjati kollettivi, li jwasslu għal eventwali ffirmar ta’ ftehim kollettiv.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela tenna li hu jinsab sodisfatt li hemm diskussjonijiet kordjali li għaddejjin u hemm rispett reċiproku min-naħa tal-unjin.
Meta mistoqsi dwar il-bidu tal-proċeduri b’rabta mal-inkjesta tal-Vitals tal-Maġistrat Gabriella Vella l-ġimgħa d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela sostna dwar ir-responsabilità.
“Nappella għar-responsabilità b’mod ġenerali, jiġifieri ħadd ma jaqa’ għal xi forma ta’ provokazzjoni, li tinżamm il-kalma assoluta minn kulħadd u dak li sawwar lil dan il-pajjiż f’dawn l-aħħar snin, jiġifieri l-ispirtu ta’ għaqda nazzjonali ma nissograwx li nitilfuh, għax ir-riperkussjonijiet ma jkunux sbieħ u għalhekk nagħmel dan l-appell għal kulħadd, li fl-aħħar mill-aħħar hemm proċess ġudizzjarju issa, li jrid jitħalla jieħu l-kors tiegħu u dak il-kors għandu jiġi rrispettat ukoll.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan intqal fid-dawl li, aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li hu informat tajjeb li l-Partit Nazzjonalista qed jipprepara nassa, li mhi ħelwa xejn, għal nhar it-Tlieta li ġej.