Il-General Workers’ Union ċaħdet, bl-aktar mod kategoriku, li kellha jew għandha xi tilwim jew saħansitra ordnat azzjonijiet industrijali lill-ħaddiema membri tagħha fl-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti għall-ġimgħa d-dieħla.
Din l-akbar trejdunjin fil-pajjiż kienet qed tirreaġixxi għal xniegħat, imxerrdin mill-midja tal-Knisja u mill-establishment Nazzjonalista, inkluż Jason Azzopardi, li l-ġimgħa li ġejja se jkun hemm xi azzjonijiet industrijali waqt li se jitressqu fil-Qorti l-każi marbutin mal-Inkjesta Vitals li għamlet il-Maġistrat Gabriella Vella.
Fi stqarrija, il-GWU qalet li, minbarra dejjem tinforma lil min iħaddem u lill-ħaddiema konċernati meta jkun hemm każ ta’ tilwim jew ikunu se jittieħdu azzjonijiet industrijali, ukoll tinforma lill-midja b’dan. Tajjeb li jingħad li, meta l-GWU tordna l-azzjonijiet, dawn ikunu dejjem abbażi ta’ tilwim relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tagħha.
Il-GWU temmet tgħid li tistenna li l-ġurnalisti, li ppubblikaw din l-istorja qarrieqa, jivverifikaw l-fatti vera qabel.