Tħabbret il-lista ta’ applikanti rebbieħa ta’ skema, li qed tagħti għajnuna finanzjarja lill-festi Maltin u Għawdxin. B’kollox minn din il-miżura, imsejħa ‘Skema tal-Wirt Artistiku’, se jibbenefikaw rekord ta’ 84 proġett, li bejniethom se jirċievu total ta’ tmin mija u għoxrin elf ewro (€820,000).
Il-finanzjament se jkun immirat lejn proġetti marbutin mat-tisħiħ tax-xogħol kulturali magħmul mis-soċjetajiet mużikali Maltin, żieda ta’ miżuri ta’ saħħa u sigurtà fil-kmamar tan-nar, li jaħdmu fuq bażi volontarja, u finanzjament ta’ proġetti artistiċi fit-tiżjin mill-għaqdiet tal-armar.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, sostna li l-wirt artistiku marbut mal-festi Maltin hu wkoll parti intrinsika tal-identità kulturali li trid tingħata l-opportunità u r-riżorsi biex tiffjorixxi.
Qal, “Din hi l-ewwel darba li saħħaħna l-iskema ta’ għajnuniet għall-festi b’dan il-mod, u aħna determinati li nkomplu nagħmlu inizjattivi biex dawn il-mijiet jekk mhux eluf ta’ voluntieri, li tant jiddedikaw ħin u passjoni lill-festi, ikomplu jirċievu l-għajnuniet u jkomplu jwettqu l-ħolm u l-ambizzjonijiet tagħhom.”
Id-Direttriċi tal-Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Anne Cauchi, elaborat li, f’konformità mal-Istrateġija 2025, il-Kunsill qed jimmira li jiffaċilita u jgħin lill-artisti u l-prattikanti kreattivi li l-għan tagħhom hu li jsaħħu l-wirt kulturali tagħna u dawk il-forom t’arti li jagħmlu l-pajsaġġ kulturali Malti wieħed uniku.
Qalet, “Kellna fil-fatt ’il fuq minn mitt applikazzjoni, li fosthom kellhom jingħataw sostenn finanzjarju proprju għall-attivitajiet, attivitajiet ta’ wirt artistiku, attivitajiet edukattivi, informali u trawwim.”
Għar-riżultati u aktar dettalji dwar din l-iskema u opportunitajiet oħrajn ta’ finanzjament, wieħed għandu jżur is-sit uffiċjali artscouncil.mt.