Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif, fi tmiem din il-ġimgħa, għall-ewwel darba, se jsir il-ħlas tal-Allowance Speċjali għall-familji. Minn dan il-benefiċċju ġdid se jgawdu minnu 9,600 familja u 10,400 student, b’investiment totali ta’ €5.2 miljun.
Dan tħabbar f’konferenza l-aħbarijiet fil-Junior College fl-Imsida, li preżenti għaliha, mal-Prim Ministru, kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, u l-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon.
Dan il-benefiċċju se jfisser €500 kull sena għal tliet snin, b’total ta’ €1,500 għal kull student li jkompli jistudja f’istituzzjonijiet Post-Sekondarji u Terzjarji.
Il-Prim Ministru tenna li, permezz ta’ din il-miżura, qed titwettaq wegħda elettorali mill-programm tal-Gvern ‘Malta Flimkien’.
Dr Abela fisser kif din hi miżura li tgħin lill-familji kollha, iżda hi miżura li tasal aktar għand il-familji fil-klassi medaj. Sostna li din hi miżura li trid tidħol fit-tessut soċjali ta’ pajjiżna, bħalma daħlu miżuri benefiċċjarji oħrajn, bħaċ-childcare b’xejn u ċ-Children’s Allowance lura fiż-żmien.
“Is-sinjal tal-Gvern hu ċar. Investu fl-edukazzjoni ta’ wliedkom u l-Gvern se jkun qiegħed warajkom. Aħna nemmnu fit-tisħiħ tal-edukazzjoni f’pajjiżna u dan tagħmlu billi twettaq miżuri li jkunu konkreti.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru saħaq kif l-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta biex aktar persuni jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Dr Abela saħaq kif il-Gvern irid jibqa’ ta’ spalla għall-familji fl-ewwel parti tal-kors tal-vjaġġ edukattiv Post-Sekondarju u fisser din il-miżura bħala għotja estiża taċ-Children’s Allowance.
Hawnhekk il-Prim Ministru semma wkoll kif l-istudenti, li jkomplu jistudjaw, igawdu minn żieda fl-istipendju.
“Hemm opportunitajiet enormi. Is-setturi ekonomiċi kollha, li għandu dan il-pajjiż, qed joħolqu opportunitajiet li huma kbar u għalhekk sta għalina li noffru liż-żgħażagħ tagħna, l-għodda kollha biex dawk l-opportunitajiet ikunu jistgħu jaħtfuhom. Sta għaż-żgħażagħ ukoll, imbagħad, li dawk l-opportunitajiet effettivament jaħtfuhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Falzon qal li t-tħabbira tal-lum hi ħolqa oħra minn katina twila ta’ miżuri soċjali li qed ikomplu jkunu ta’ sostenn b’saħħtu għall-familji tagħna.
“Nagħtu fakultà lil dak li jkun li jilħaq il-potenzjal tiegħu. Ma jfissirx li se nagħmlu lil kulħadd l-istess, allaħares ikun dak l-għan tagħna. Imma kemm hu importanti li jekk xi ħadd kapaċi jitla’ għaxar tarġiet, jitlagħhom l-għaxra.”
Il-Ministru Michael Falzon
Il-Ministru Grima tkellem dwar l-għajnuna li qed jingħataw l-istudenti u l-familji tagħhom fi żmien delikat meta jkunu qegħdin jieħdu l-edukazzjoni tagħhom, li hi l-pedament għall-futur mhux biss tagħhom, imma wkoll tal-pajjiż b’mod ġenerali.
“Hi konferma oħra ta’ dik li hi l-viżjoni tagħna għas-settur edukattiv. Settur edukattiv li jrid iħares lejn dak li hu l-iżvilupp sħiħ tat-tfal tagħna u dan jidħol eżatt, jinkwadra eżatt, f’dik li hi l-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni.”
Il-Ministru Clinton Grima
AQRA AKTAR: