Fil-kapitali Iranjana, Tehran, sar il-funeral tal-President Ebrahim Raisi.
Ġemgħat kbar ta’ nies inġabru fil-kapitali tal-Iran għal din iċ-ċerimonja, li fiha ngħatat tislima, mhux biss lil Raisi, iżda wkoll lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u sitt persuni oħra, li mietu mal-President wara li ġġarraf il-ħelikopter li kienu fih, mal-fruntiera mal-Ażerbajġan.
Iċ-ċerimonja bdiet bit-talb, fejn imbagħad, it-twiebet, iġorru l-bandiera Iranjana, ittieħdu fil-pjazza ewlenija ta’ Azadi.
Madwar il-belt kapitali, tpoġġew kartelluni kbar ifaħħru lil Raisi bħala l-‘martri tas-servizz’ u ‘l-qaddej tal-iżvantaġġjati’.
Fil-pajjiż ġew iddikjarati ħamest ijiem ta’ luttu nazzjonali.