Aktar minn mija u erbgħin passiġġier u membri tal-ekwipaġġ li kienu fuq titjira li esperjenzat turbolenza severa, waslu f’Singapore kmieni l-Erbgħa filgħodu.
Il-passiġġieri li kienu fuq it-titjira SQ321, minn Londra għal Singapore, iddeskrivew xeni ta’ terrur.
Kawża ta’ dan l-inċident tilef ħajtu raġel, li ġie identifikat bħala Geoff Kitchen – Ingliż ta’ tlieta u sebgħin sena. Huwa miet b’attakk tal-qalb u kien sejjer Singapore ma’ martu għal vaganza ta’ sitt ġimgħat.
F’dan l-episodju ndarbu serjament diversi passiġġieri oħrajn.
Kawża ta’ dan l-inċident, l-ajruplan għamel inżul ta’ emerġenza f’Bangkok, fejn tniżżlu aktar minn mitt ruħ għall-kura fl-isptar.
L-oħrajn ittellgħu fuq titjira oħra u waslu Singapore illum.