Tniedew diversi programmi għas-sajf għaż-żgħażagħ ‘Dive into Summer’, bil-għan li l-istess żgħażagħ jiksbu diversi ħiliet li jkunu jistgħu jużaw matul ħajjithom.
Il-programmi huma miftuħa għal żgħażagħ ta’ bejn it-12 u s-16-il sena u l-aġenzija se twassal 18-il programm varjat f’erba’ postijiet differenti: Santa Venera, l-Imsida, il-Birgu u Għajnsielem.
Fil-fatt is-sena li għaddiet aktar minn 550 żagħżugħ u żagħżugħa attendew għall-programmi tas-sajf.
Dawn il-programmi jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti, mill-iżvilupp personali sal-komunikazzjoni, kif ukoll il-ħsieb kreattiv u kritiku.
Kull programm hu mfassal biex jipprovdi liż-żgħażagħ b’opportunitajiet jiskopru u jtejbu l-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom permezz ta’ diversi mezzi bħad-drama, il-podcasting u l-midja soċjali.
Studenta, li diġà attendiet għal dawn il-programmi, tenniet kemm dan swielha ta’ ġid hekk kif, fl-aħħar mill-aħħar, bl-għarfien li kisbet, irnexxielha tibda l-podcast personali tagħha.
“Jien attendejt bosta korsijiet u programmi, però l-aktar wieħed li ħalla impatt fuqi kien sound on. Hu kors fuq il-podcasts. Jiena jinteressani ħafna l-midja, allura għalhekk mill-ewwel mort ninkiteb. Tgħallimt ħafna fuq il-public speaking skills u kif nagħmel riċerka. Għamilt ħafna ħbieb ġodda li kellhom l-istess interessi tiegħi u fl-aħħar tani l-kuraġġ biex nibda l-podcast tiegħi stess li jismu ‘Juliette Tistaqsi’.”
Simon Schembri, maniġer fi ħdan l-Aġenzija Żgħażagħ, spjega li l-aġenzija tara li tuża l-edukazzjoni mhux formali u toffri programmi li jagħtu ħiliet liż-żgħażagħ biex jikkumplimentaw il-bżonnijiet tas-soċjetà kif ukoll għall-futur.
“Ta’ min jgħid li dawn il-programmi huma bla ħlas u għal aktar informazzjoni dak li jkun jista’ jagħmel il-kuntatt magħna fuq social media jew anke jżur is-sit tagħna u jċemplilna.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li l-għan ta’ dawn il-programmi hu li jgħin liż-żgħażagħ ikollhom aktar fiduċja fihom infushom u billi jipparteċipaw b’mod attiv, mhux biss jiksbu ħiliet ġodda, iżda wkoll jiskopru l-abbiltajiet tagħhom, li huma kruċjali għat-tkabbir personali u professjonali tagħhom.