Il-Ħadd li ġej filgħodu, ġimagħtejn biss qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela se jindirizza mass rally ieħor Laburista f’Ta’ Farsina, Ħal Qormi.
Rigward dan, id-Deputat u Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, spjega r-raġunijiet għalxiex iċ-ċittadini għandhom ikomplu jsostnu lill-Partit Laburista issa kif wasalna lejn l-aħħar tal-kampanja.
Qal kif anke fl-interess tal-għaqda nazzjonali, kulħadd għandu jingħaqad wara l-Prim Ministru Robert Abela biex ikompli jitwassal il-messaġġ favur ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
“Qed inħeġġu lin-nies biex nhar il-Ħadd jingħaqdu magħna Ħal Qormi, f’Ta’ Farsina, post sinonimu mal-Prim Ministru, u hemmhekk ningħaqdu kollha flimkien, għax dan il-pajjiż mhux gwerra qaddisa għandu bżonn, imma għandu bżonn għaqda nazzjonali. Allura wkoll qed inħeġġu lin-nies biex iġibu l-bnadar ta’ Malta magħhom nhar il-Ħadd f’Ħal Qormi fl-10:30. Ningħaqdu wara l-Prim Ministru Robert Abela biex inkomplu nwasslu il-messaġġ tal-Partit Laburista.”