Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jinsab infurmat b’informazzjoni li jorbot fuqha li l-Partit Nazzjonalista qed jipprepara nassa li mhi ħelwa xejn għat-28 ta’ Mejju meta diversi persuni jibdew jidhru fil-Qorti wara l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella fil-każ tal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Fi tweġibiet għal mistoqsija tat-Times, Dr Abela qal li huwa konvint li l-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat, li bħal ma waqa’ qatt għan-nases li l-Partit Nazzjonalista pprova jagħmillu tul medda ta’ snin, mhu se jħalli lil ħadd iwaqqgħu llum f’nassa.
Il-Mexxej Laburista saħaq li huwa evidenti li l-Partit Nazzjonalista qata’ qalbu li jippreżenta manifest elettorali u l-uniku manifest li għandu hi l-inkjesta.
Sostna li l-aħħar tama biex mingħalih jikseb il-poter huwa li jipprovoka t-tensjonijiet u hu għalhekk dik hi nassa mill-aktar kerha.
“Mhux ta’ b’xejn li nifhem id-diskorsi tal-Oppożizzjoni li tuża kliem tat-tmeninijiet u qed jerġgħu jużaw l-istess tattiċi ta’ dak iż-żmien u għalhekk nibqa’ nappella għall-kalma biex ħadd ma jaqa’ għall-provokazzjonijiet u konvint li Dr Muscat se jibgħat dak l-istess messaġġ”, saħaq il-Prim Ministru.