Dan kien rapportaġġ mill-aħbarijiet prinċipali tal-midja Nazzjonalista wara l-attività tal-massa tal-Partit Laburista fiż-Żurrieq il-Ħadd li għadda.
U waqt li b’qerq ittimbraw id-diskorsi tal-Prim Ministru Robert Abela u dak mill-Ministru Clint Camilleri bħala isteriċi li jinċitaw il-vjolenza, fil-verità kienu huma stess li riedu jwerwru lin-nies b’manipulazzjoni tal-filmati mill-istess attività politika.
Fil-fatt għal dan qatgħu apposta kliem il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar biex jiġi jirreferi għal xi armi tal-qerda.
Fil-fatt din hi s-silta proprja u sħiħa mid-diskors tal-Ministru Camilleri l-Ħadd li għadda kif imxandar ukoll fuq ONE, bl-unika referenza tkun għall-arma demokratika li għandu l-poplu, jiġifieri l-vot.
“Irridu nagħmlu dak li missirijietna għallmuna, illum aktar minn qatt qabel. Irridu nwieġbu lil dawn il-forzi b’saħħa tremenda, b’determinazzjoni liema bħalha u bl-arma l-aktar li jitwerwru minnha … il-vot tagħkom.”
Waqt li tan-NET jibqgħu jirrikorru għal dawn it-tip ta’ tattiċi moqżieża, sempliċiment biex ibeżżgħu u anke jpinġu lill-Partit Laburista bħala vjolenti, anke għax qatt m’aċċettaw il-ġudizzji demokratiċi tal-poplu, ironikament kien il-Partit Nazzjonalista stess li fl-aħħar jiem imbotta favur il-produzzjoni u l-użu tal-armi.
Esponenti varji tiegħu, mhux l-inqas il-Kap innifsu Bernard Grech, appoġġjaw il-kampanja tal-EPP u tal-kandidata Nazzjonalista Roberta Metsola biex l-Ewropa tkun armata sa snienha.
U dan inkluż b’armi tal-qerda tal-massa, anke bombi nukleari, kif irid seħibhom il-President tal-Grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, Manfred Weber.