Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna li f’lokalitajiet, bħalma hi dik l-Isla, tara l-ħidma li Kunsill u Gvern Laburista kapaċi jagħtu lir-residenti.
Dr Abela qal dan meta kien qed jitkellem f’attività oħra politika t-Tlieta waranofsinhar, fejn sostna li l-għażla li trid issir fit-8 ta’ Ġunju li ġej dejjem tibqa’ relevanti biex il-poplu jagħżel x’pajjiż irid u x’Ewropa jrid.
Hawnhekk Dr Abela sostna li l-Partit Laburista għandu pjan ċar għal-lokalitajiet u anke għall-Parlament Ewropew, bil-manifesti li nieda għal kull lokalità.
Semma kif ħaddieħor qed jara li biex javvanza, lest li jinjora kollox u jattakka lil pajjiżna, fejn saħansitra kitbu lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jattakkaw lil Malti bħalhom u jagħmlu ħsara lill-pajjiż.
Il-Prim Ministru ħeġġeġ biex dawn jingħataw risposta bis-saħħa u jużaw l-aktar għodda li jibżgħu minnha – il-vot.