Dibattitu ieħor televiżiv bejn kandidati tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista kien ikkaratterizzat partikolarment minn differenza ċara ta’ min għandu politika favur in-nies u l-iżvilupp tal-pajjiż u min mhu joffri assolutament xejn, għajr l-attakki insensati tiegħu kontra kull min ma jaqbilx miegħu.
Iż-żewġ kandidati Laburisti Alex Agius Saliba u Claudette Abela Baldacchino tkellmu dwar il-manifest, li tnieda mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, u l-pjan dettaljat ta’ kif biħsiebhom jaħdmu jekk jiġu eletti fil-Parlament Ewropew għall-ġid nazzjonali.
Min-naħa l-oħra, fl-istess programm televiżiv ta’ siegħa fuq ix-Xandir, iż-żewġ kandidati tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius u Lee Bugeja Bartolo, baqgħu ma offrew xejn konkret.
U ġimagħtejn bogħod mid-data tal-elezzjoni, tennew biss li se jkunu qed jippreżentaw manifest, avolja ma qalux meta.
Tul il-programm ‘XTRA’, immexxi minn Saviour Balzan, ukoll ġiet ittrattata t-tema tal-Inkjesta Vitals, b’Agius Saliba jenfasizza kif din spiċċat tagħmel ir-retorika kollha tal-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Min ipprova jaħtaf din il-kampanja permezz tal-establishment biex, fl-aħħar mill-aħħar, ma nitkellmux fuq il-prijoritajiet tagħna, fuq il-ħidma li wettaqna u fuq dak li rridu nagħmlu. U, minflok, ħlief frodi, ħlief nitfgħu lil dak il-ħabs, nitfgħu lill-ieħor il-ħabs, mibegħda u kattiverja qasmu pajjiż, protesta ’l hawn, protesta ’l hemm … min qed jorganizzahom? Il-Partit Laburista jew il-Partit tiegħu? Din in-narrattiva ġabha fil-ġurnata li bdiet il-kampanja elettorali l-istess Partit Nazzjonalista, għax dawn għadhom ma fehmux. Dawn għadhom ma fehmux li bl-odju, bil-kattiverja, bil-mibegħda li kkaraterizzaw lill-Partit Nazzjonalista l-aħħar tlettax, erbatax-il sena, dawn ma waslu mkien.”
Abela Baldacchino wkoll fakkret kif din it-tip ta’ politika qed tieħu post dak li suppost kellu jippreżenta l-Partit Nazzjonalista, jiġifieri manifest elettorali bil-proposti tiegħu.
Qalet, “Jien għadni qed nistenna li tagħmlu proposta waħda, jekk mhux manifest sħiħ għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Jiena ħa nfakkarkom x’qal Clyde Puli fis-sigħat li għaddew fuq dan l-istazzjon. Mhux qed ngħidha jien, eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Qal li l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jikkampanja fuq issue waħda biss u donnu l-Inkjesta Vitals hija l-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista.”
L-Ewroparlamentari u kandidat Alex Agius Saliba kompla li, sal-lum il-ġurnata, il-Partit Nazzjonalista tana biss il-politika tal-mibegħda u l-vendikazzjonijiet biex jaħtaf il-poter.
Qal, “Dawn l-unika ħaġa li smajna minn ħalqhom kienu żewġ affarijiet. L-ewwelnett li jridu jużaw dawn l-elezzjonijiet biex jerġgħu jiksbu lura l-poter fi żmien tliet snin u jmexxu lill-pajjiż, qaluhielna bl-aktar mod ċar. U t-tieni ħaġa, l-att vendikattiv tagħhom li baqa’ hemm. Dawn aħna jgħidulna anke nies li kienu jpoġġu magħhom fuq l-istess medja. Jiena, kif beda dan l-attakk kollu, l-ewwel messaġġ li rċevejt ma kienx mingħand Laburist. Kien wieħed mingħandhom li kampanja elettorali li għaddiet kien wieħed minnhom. U l-ewwel ħaġa li jgħidulek, anke aħna stess, li konna nimmilitaw magħhom, sofrejna minn din il-kattiverja.”
Hawn ħareġ ukoll li din mhi l-ebda tattika ġdida għan-Nazzjonalisti.
Qalet, “U żgur li qed tagħmel ħsara. Qed tħabbat il-bibien u tħabbat il-bibien tal-Ewroparlamentari biex jagħmlu kruċjata kontra pajjiżek. Jien ma nistax nifhimha din, kif tista’ inti tħalli Malti, bħali … aħna dejjem konna Partit u l-pajjiż ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox.”