Is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-anzjani, magħruf aħjar bħala ‘Silver T’, issa ġie estiż għar-residenti tar-Rabat u l-akwati.
Id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità se juża dan il-vann tal-elettriku biex jingħata servizz ta’ trasport, skont il-bżonnijiet tal-anzjani li joqogħdu fir-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imtarfa, l-Imdina, il-Baħrija, l-Imġarr u l-Buskett, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom ta’ kuljum.
Is-servizz tas-‘Silver T’ jopera fuq livell nazzjonali mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7:00 ta’ filgħodu u s-2:00 ta’ waranofsinhar u jipprovdi faċilità ta’ trasport lil dawk il-persuni anzjani li jixtiequ jmorru ċ-Ċentri tas-Saħħa, iċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva, il-Kunsill Lokali, il-bank, is-suq lokali, postijiet ta’ qima u diversi postijiet oħrajn.
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, sostna li dan is-servizz se jkompli jgħin lill-anzjani Rabtin u dawk tal-madwar biex jiffaċilitalhom ħajjithom.
Qal, “Dan hu proġett importanti li għamilna, flimkien mas-Segretarjat tal-Anzjani, biex inħeġġu lill-anzjani tagħna jkunu aktar mobbli billi jinqdew fil-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, saħqet li l-kwalità tal-ħajja hi fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ dan il-Gvern u hu għalhekk li l-Gvern kommess li jibqa’ jagħti l-għodda neċessarja lill-kunsilli lokali biex ikomplu jaqdu l-bżonnijiet tar-residenti u l-lokalitajiet rispettivi tagħhom bl-aqwa u l-aħjar mod possibbli.
Qalet, “Kommessi li nibqgħu noffru l-għodod neċessarji biex il-kunsilli lokali jibqgħu jaqdu lir-residenti u, fuq kollox, il-bżonnijiet tal-lokalitajiet tagħna.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, qal li, permezz ta’ trasport affidabbli u bla ħlas, qed jiġi żgurat li l-anzjani fil-komunitajiet tagħna jkollhom aċċess għas-servizzi essenzjali u jistgħu jżommu l-indipendenza tagħhom.
Qal, “Servizz bżonnjuż ħafna, għax f’dawn in-naħat għandek diversi areas li huma ’l bogħod mill-qalba tar-raħal. Allura jkollok diversi anzjani li jgħixu fir-rural li jkollhom bżonn anke servizzi bħalma hi l-polyclinic, hawnhekk allura jkollhom bżonn jiġu fil-qalba.”
Għat-tnedija ta’ dan is-servizz attendew il-kunsillieri tar-Rabat.
Biex wieħed juża s-servizz tas-‘Silver T’, irid jibbukkja sa mhux aktar tard minn tlett ijiem qabel fuq in-numru tat-telefown 22788900.
Il-ħinijiet taċ-ċentru tat-telefonati huma l-istess bħal dawk li fih jaħdem dan is-servizz, jiġifieri mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7:00 ta’ filgħodu u s-2:00 ta’ waranofsinhar.